Jissokta t-tħaffir għal kontra l-għargħar

Diversi metri taħt l-art, numru ta’ ħaddiema għaddejjin b’ħidma kontinwa biex jitlesta t-tħaffir ta’ mini taħt l-art li se jilqgħu fihom l-ilmijiet tax-xita; ħidma li ta’ spiss tibda fis-6am u tibqa’ sejra sal-10pm ta’ bil-lejl.

16-il kilometru ta’ mini
16-il kilometru ta’ mini

Din il-gazzetta tkellmet mal-Perit Carm Mifsud Borg, il-persuna responsabbli minn dan il-proġett fejn qal li x-xogħol jieqaf fl-10pm biex ma jkunx hemm inkonvenjenti għar-residenti. Iżda sostna li biex ma jintilifx ħin, is-sigħat tal-lejl jintużaw biex jinġarr il-makkinarju, tintefa’ l-arja fil-mini u xogħol preparatorju ieħor.
Il-proġett nazzjonali għat-taffija tal-għargħar b’kollox jinvolvi investiment ta’ madwar €57 miljun u jinkludi l-kostruzzjoni ta’ 16-il kilometru ta’ mini, b’dijametru ta’ aktar minn tliet metri. Il-mini se jilqgħu fihom l-ilma tax-xita mill-postijiet li jsofru l-aktar għargħar, bħal Ħ’Attard, Ħal Balzan, Ħal Lija, l-Iklin, Birkirkara, l-Imsida, il-Gżira, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, Ħaż-Żabbar u Marsaskala.


Il-proġett jikkonsisti f’ħames komponenti b’sistemi differenti ta’ mini, ġibjuni u gandotti flimkien ma’ bini mill-ġdid ta’ pontijiet, li jevitaw li l-ilma jispiċċa f’żoni vulnerabbli għall-għargħar filwaqt li jieħu ħsieb li jilqa’ kemm jista’ jkun ilma għall-konservazzjoni.
Il-proġett se joħloq infrastruttura ġdida li taqbad l-ilma tax-xita u titfgħu f’mini, minflok tħallih jgħarraq it-toroq. Jinkludi wkoll il-bini ta’ strutturi speċjali li jżommu fihom l-ilma qabel ma jintefa’ l-baħar.

Proġett ta’ €57 miljun
Proġett ta’ €57 miljun

“L-ikbar komponent minn dawn il-ħamsa - li jibda min-Naxxar u jispiċċa Ta’ Xbiex – għadu qed jitħaffer. Baqagħlna l-aħħar 200 metru biex niżbokkaw Ta’ Xbiex fejn qed nibnu l-post minn fejn se joħroġ l-ilma. Din hija kamra kbira li tilqa’ l-ilma fiha, tiġbru u parti minnu jiġi ppumpjat lura f’ġibjun mibni l-Gżira. Meta jkun hemm maltempati kbar l-ilma jintefa’ l-baħar,” jispjega l-Perit.
Dan il-komponent il-kbir mistenni jitlesta għall-ħabta ta’ Frar.
Il-komponent li jiġbor l-ilma ta’ Ħal Qormi se jkun wieħed minn tal-ewwel li se jitlesta, fejn skont il-perit għandu jkun lest sal-aħħar ta’ Awwissu. Fl-aħħar xhur saru xogħlijiet infrastrutturali fuq diversi pontijiet ta’ fuq il-widien biex l-ilma ma jiltaqax m’ostakli u jibqa’ sejjer f’dawn il-mini.
“Imbagħad għal komponent ta’ Ħaż-Żabbar u Marsascala qisna wasalna 80% fit-tħaffir tal-mini. Mexjin ħafna u sal-aħħar t’Ottubru jkun lest. Peress li l-prezzijiet li daħlulna kienu favorevoli, ħadna l-opportunità li nilħqu iżjed mil-lokalità, u b’hekk iddeċidejna li ntawlu l-proġett bi 300 metru ieħor,” qal Borg.
“L-istess Ħaż-Żebbuġ; il-proġett ittawwal bi 300 metru ieħor u għandu jkun lest għal Novembru.”
Iżda mhux dejjem kien kollox ward u żahar waqt it-tħaffir tal-mini, kbar biżżejjed li minnhom jgħaddu trakkijiet kbar. Mifsud Borg jgħid kif minkejja li jsiru diversi testijiet simili għal magni li jieħdu x-ray, xorta jiltaqgħu ma’ diffikultajiet li ma jkunux ġew antiċipati.
“Ġieli ltqajna ma’ xquq kbar li ma kinux immarkati allura jkollok tieqaf u tara kif se taħdem biex tirriforza l-mina. Imbagħad in-naħa ta’ Ħaż-Żebbuġ sibna blat iebes ħafna li saħansitra rabba diversi stalaktiti u stalagmiti għalkemm mhux fi kwantitajiet kbar,” jirrakkonta hu.
Hu jżid jgħid li dawn kollha jiġu rrekordjati minn arkeoloġisti li jkunu preżenti tul il-proċess kollu. Ovvjament, waqt it-tħaffir ta’ taħt l-art ġieli jsibu wkoll xi xelter ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija li anke dawn jirrikjedu l-attenzjoni tal-arkeoloġisti.

Il-mini taħt l-art għandhom dijametru ta’ 3 metri, kbar biżżejjed biex jgħaddu trakkijiet tal-kostruzzjoni
Il-mini taħt l-art għandhom dijametru ta’ 3 metri, kbar biżżejjed biex jgħaddu trakkijiet tal-kostruzzjoni


“Iva ġieli sibna xelters tal-gwerra. Avolja jkollna indikazzjoni ta’ fejn dawn qegħdin, biċċiet minnhom intradmu anke l-fond tagħhom. Diffikultajiet simili kienu meta sibna wkoll xi kanali żgħar antiki li ma kinux immarkati fuq il-mapep tagħna,” jirrimarka l-Perit responsabbli.
Id-drenaġġ ukoll jista’ jitqies bħala wieħed mill-‘għedewwa’ li jista’ jwassal għal xi dewmien fil-proġett. Il-perit isemmi kif f’diversi okkażjonijiet iltaqgħu ma’ nixxigħat ta’ drenaġġ wara li kien hemm katusi mkissrin.
“Bħalissa għandna problema n-naħa ta’ Ħal Lija... hemm katusi li biż-żmien ittieklu u qed inixxu fil-mini. Hemm sadd fil-katusi u fil-fatt il-korporazzjoni tal-ilma qed jaraw kif se jirranġawhom.”

“Sibna blat iebes ħafna li saħansitra rabba diversi stalaktiti u stalagmiti għalkemm mhux fi kwantitajiet kbar”

Mifsud Borg jgħid li sakemm ma jkunx hemm xi żbroff tad-drenaġġ, l-ilma se jkun bejn wieħed u ieħor nadif u li jista’ jintuża għat-tisqija.
Dan wara li fl-aħħar ġimgħat sar ħafna xogħol ta’ ‘gradilji’ fit-toroq, biex l-ilma l-ewwel imur f’tankijiet kbar li jisseparawh mill-ħmieġ u żjut fost oħrajn. Din hi parti minn sistema ta’ tindif biex l-ilma ma jidħolx fil-mini maħmuġ ħafna.
“Iżda impossibbli taħżen l-ilma kollu tax-xita li tagħmel. L-ammonti tant huma kbar li impossibbli toħloq riserva għalihom kollha. F’Malta l-ilma jagħmel f’salt u fi kwantità kbira f’Malta. Biex taħżen parti kbira tal-ilma l-ispiża tal-proġett kienet tiġi tliet darbiet ogħla.”
Madankollu hu jissokta jgħid li parti mill-proġett se jirriċikla 300,000 metru kubu ta’ ilma, li hu l-ammont ta’ ilma li jinħażen fil-preżent.
Il-kuntratt jirrikjedi li l-kuntrattur imantni l-proġett għall-ewwel sentejn f’każ ta’ bżonn ta’ tiswijiet jew manutenzjoni. Wara dan il-perjodu se jkun hemm dipartiment apposta taħt il-Ministeru għall-Infrastruttura u t-trasport.

Il-bokka ta’ waħda mill-mini viċin Triq Aldo Moro, il-Marsa
Il-bokka ta’ waħda mill-mini viċin Triq Aldo Moro, il-Marsa

 

More in Kronaka