Is-Segretarjat għas-Saħħa fi stqarrija maħruġa lbieraħ informa lill-pubbliku li minkejja nuqqasijiet fis-swieq internazzjonali, il-Gvern irnexxielu jassigura konsenja tal-mediċina Buspirone permezz ta’ ħidma intensiva li saret tul il-jiem li għaddew.
Id-Dipartiment għas-Saħħa għamel l-arranġamenti neċessarji biex il-Buspirone tkun disponibbli mil-lum fl-Isptar Mater Dei u mill-jiem li ġejjin permezz tal-Pharmacy of Your Choice.
In-nuqqas ta’ din il-mediċina kien żvelat mill-mezzi tax-xandir wara li żagħżugħ li jieħu din il-mediċina għall-kura kontra l-ansjetà akuta kien wera t-tħassib tiegħu li seta’ jispiċċa f’sala psikjatrika jekk il-mediċina tibqa’ out of stock mill-Isptar Mater Dei.
Il-Buspirone tinżamm taħt kontroll assolut mill-awtoritajiet minħabba lok ta’ abbuż u tista’ tinkiseb biss mill-isptar. Din il-mediċina qatt ma kienet disponibbli minn spiżeriji privati.