Budget 2027: Id-defiċit mistenni jibqa’ ta’ 2.6% fl-2027, id-dejn jilħaq 46.8%
Id-dħul tal-Gvern mistenni jilħaq €10.1 biljun, filwaqt li l-infiq kapitali se jkun ta’ kważi €1.5 biljun
minn Jaelle Borg
Id-defiċit tal-Gvern mistenni jibqa’ fil-livell ta’ 2.6% tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) fl-2027, filwaqt li d-dejn pubbliku huwa mbassar li jilħaq 46.8% tal-PDG.
Dan ħabbru l-Ministru tal-Finanzi waqt il-preżentazzjoni tal-Budget 2027, fejn sostna li l-Gvern se jkompli jżomm id-defiċit taħt it-3%, minkejja ż-żieda fl-infiq pubbliku u l-pressjonijiet ekonomiċi internazzjonali.
Skont il-figuri ppreżentati, l-2025 intemmet b’defiċit ta’ 2.1%, ferm inqas mit-3.3% li kien ġie mbassar oriġinarjament.
Għall-2026, id-defiċit issa huwa mistenni jilħaq it-2.6%, filwaqt li l-istess rata hija prevista għas-sena d-dieħla.
Il-Ministru spjega li ż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija, partikolarment wara l-iżviluppi fil-Lvant Nofsani, wasslet lill-Gvern biex iżid l-infiq fuq is-sussidji għall-elettriku u l-fjuwils.
Fil-fatt, skont il-Gvern, dawn is-sussidji qed jikkontribwixxu madwar 1.4 punti perċentwali għad-defiċit tal-pajjiż.
Il-Ministru sostna li kieku ma kienx hemm iż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija matul l-aħħar sitt xhur, id-defiċit imbassar għall-2027 kien ikun kważi punt perċentwali inqas.
Id-dħul tal-Gvern se jilħaq €10.1 biljun
Id-dħul totali tal-Gvern għall-2027 huwa mbassar li jilħaq €10.1 biljun, żieda ta’ madwar €1 biljun meta mqabbel mad-dħul mistenni għal din is-sena.
Minn dan l-ammont, €9 biljun mistennija jiġu mit-taxxi, żieda ta’ €645 miljun, filwaqt li d-dħul minn sorsi oħra se jilħaq €1.1 biljun, żieda ta’ €359 miljun.
Fl-istess waqt, l-infiq totali tal-Gvern mistenni jiżdied bi ftit inqas minn €1 biljun.
L-infiq rikorrenti, li jinkludi fost oħrajn l-ispejjeż marbuta mat-tħaddim tas-servizzi pubbliċi, mistenni jilħaq €9.4 biljun, żieda ta’ €711-il miljun fuq din is-sena.
Min-naħa l-oħra, l-infiq kapitali se jilħaq kważi €1.5 biljun, żieda ta’ €283 miljun.
Minn dan l-investiment kapitali, madwar €390 miljun se jiġu minn fondi tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri €90 miljun aktar mill-ammont mistenni għal din is-sena.
Il-Ministru sostna li ż-żieda fl-infiq kapitali turi l-prijorità li l-Gvern qed jagħti lill-investiment fl-infrastruttura u fi proġetti oħra.
Id-dejn pubbliku mistenni jibqa’ taħt is-47%
Fir-rigward tad-dejn pubbliku, il-Ministru qal li l-piż tad-dejn għall-2026 issa huwa stmat għal 46.7% tal-PDG, inqas mill-previżjoni preċedenti ta’ 47.3%.
Għall-2027, id-dejn huwa mbassar li jilħaq 46.8% tal-PDG.
Il-Ministru qal li dan ifisser li l-piż tad-dejn se jibqa’ kważi fl-istess livell minkejja n-nefqa addizzjonali li l-Gvern qed jiffaċċja biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija.
Huwa sostna wkoll li madwar 70% taż-żieda fid-dejn pubbliku matul l-aħħar snin kienet marbuta mal-pandemija, il-kriżijiet tal-enerġija u l-ispejjeż relatati mal-għeluq tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru u t-twaqqif ta’ oħra ġdida.
Il-Ministru rrikonoxxa li seta’ kien hemm każijiet fejn il-Gvern seta’ kiseb aktar riżultati b’inqas infiq, iżda insista li l-politika fiskali tiegħu għenet biex il-pajjiż iżomm l-istabbiltà ekonomika.
Il-Ministru jiddefendi t-tmexxija tal-finanzi pubbliċi
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru ddeskriva l-Budget 2027 bħala wieħed ta’ “serħan il-moħħ”, filwaqt li sostna li l-qagħda finanzjarja tal-pajjiż baqgħet b’saħħitha minkejja l-isfidi internazzjonali.
Huwa kkritika lill-Oppożizzjoni, li akkużaha li qed tagħti stampa negattiva tal-finanzi pubbliċi u li qed tinterpreta l-miżuri ta’ responsabbiltà fiskali bħala awsterità.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru sostna li l-Gvern qed ikompli jonora l-impenji tiegħu lejn il-familji u l-pensjonanti, filwaqt li jżomm id-defiċit taħt il-limitu ta’ 3% tal-PDG.
