Il-mexxejja tal-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) se jiltaqgħu f’Ċipru llejla biex jiddiskutu l-gwerra fil-Lvant Nofsani u l-budget Ewropew ta’ seba’ snin li jibda fl-2028. Il-mexxejja mistennija jaslu Ċipru, li għandha l-presidenza tal-UE, għall-ħabta tas-sitta tal-lejla.
Mexxejja mill-Lvant nofsani ġew mistiedna biex jattendu s-summit, f’tentattiv tal-UE biex isaħħaħ l-involviment diplomatiku tagħha fir-reġjun. L-Ukrajna tibqa’ tiddomina l-aġenda. Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy, permezz ta’ kollegament minn Kyiv, huwa mistenni jaġġorna lill-mexxejja Ewropej fuq is-sitwazzjoni tal-gwerra tar-Russja fuq pajjiżu.
Sadanittant l-Ungerija, wara li Orban tilef l-elezzjoni aktar kmieni f’April, irtirat il-veto fuq għajnuna lill-Ukrajna. L-Ukrajna issa se tħalli żejt Russu jgħaddi mill-pipeline li jwassal iż-żejt lejn is-Slovakkja u l-Ungerija, l-istati membri qablu li japprovaw self ta’ €90 biljun lill-Ukrajna, flimkien ma’ pakkett ġdid ta’ sanzjonijiet fuq ir-Russja. Il-proċeduri formali se jsiru illum fis-1pm.
Storja kurjuża f’The New York Times nhar it-Tlieta sostniet li l-Ukrajna kienet qed tikkonsidra li tbiddel l-isem tar-reġjun tad-Donbas għal “Donnyland” ad unur tal-president tal-Istati Uniti. Zelenskyy iżda ċaħad li qatt ikkunsidra din l-proposta, filwaqt li reġa’ sostna li r-reġjuni tad-Donetsk u Luhansk huma parti integrali mill-Ukrajna.