Il-President Amerikan Donald Trump attakka lill-Papa Leo XIV, u sejjaħlu “dgħajjef” u “terribbli” f’kummenti li ppubblika fuq il-pjattaforma tiegħu Truth Social.
Trump mhux biss kiteb post twil fuq il-midja soċjali, iżda rrepeta wkoll l-attakki tiegħu quddiem il-ġurnalisti, fejn sostna li l-mexxej tal-Knisja Kattolika “mhux qed jagħmel xogħlu sew” u li għandu “jieqaf jikkuntenta lill-lemin estrem”.
Fil-messaġġ tiegħu, Trump qal li l-Papa huwa “dgħajjef fuq il-kriminalità u terribbli fil-politika barranija”, filwaqt li żied li ma jridx Papa li jaċċetta li l-Iran ikollu arma nukleari. Huwa allega wkoll li Leo XIV, li huwa l-ewwel Papa Amerikan, ġie elett minħabba n-nazzjonalità tiegħu, u sostna li l-Vatikan ried jiffaċilita r-relazzjonijiet mal-Istati Uniti.
“Li kieku ma kontx jien fil-White House, Leo ma kienx ikun fil-Vatikan,” qal Trump, filwaqt li insista li l-Papa għandu jkun grat lejh.
Dawn il-kummenti saru wara li l-Papa Leo XIV indirizza kunflitti internazzjonali waqt talb fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Għalkemm ma semmiex pajjiż jew mexxej partikolari, il-messaġġ tiegħu ġie interpretat bħala kritika indiretta lejn Trump u uffiċjali Amerikani oħra.
Fil-kelmtejn tiegħu, il-Papa qal li t-talb huwa “fortizza kontra d-delirju tal-onnipotenza” li qed isir dejjem aktar aggressiv, u kkundanna t-theddid ta’ qerda totali ta’ ċiviltajiet bħala “inaċċettabbli”.
Huwa appella lill-mexxejja dinjija biex iwaqqfu l-gwerer, u qal: “Wasal iż-żmien għall-paċi. Biżżejjed mill-idolatrija tal-flus u tal-poter. Il-qawwa vera tidher meta naqdu l-ħajja.”
Il-Papa żied li Alla ma jismax it-talb ta’ dawk li jwettqu gwerer, u kkwota silta mill-Ktieb ta’ Iżaija li tgħid li idejn mimlijin demm ma jinstemgħux fit-talb.
Intant, is-Segretarju tad-Difiża Amerikan Pete Hegseth iġġustifika l-kunflitt b’termini reliġjużi, u ddeskrivieh bħala “gwerra qaddisa”, kumment li żied mal-kontroversja.
F’reazzjoni oħra, Trump sostna li jemmen li Alla jappoġġja l-azzjonijiet militari, u qal: “Nemmen li iva, għax Alla hu tajjeb.”
Ir-relazzjonijiet bejn Trump u mexxejja Kattoliċi ilhom jiddeterjoraw minkejja li kiseb appoġġ sinifikanti minn votanti Kattoliċi fl-elezzjoni tal-2024. Diversi kardinali esprimew tħassib serju dwar il-kunflitt, li skont rapporti ħalla eluf ta’ vittmi.