Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iran Abbas Araghchi qal lill-pajjiżi tal-Gulf li l-Iran se tuża s-saħħa militari tagħha kollha sabiex tiddeffendi ruħa.
Din l-istqarrija saret wara li l-Amerka u l-Iżrael niedew attakk bil-missili fuq il-kapitali Iranjana Tehran is-Sibt filgħodu. L-attakki qed iseħħu waqt li Washington u Tehran qed jippruvaw jinnegozjaw ftehim immirat biex jillimita l-programm nukleari tal-Iran. L-attakki ġew wara li l-Istati Uniti ġabru preżenza sostanzjali ta’ ajruplani tal-ġlied u bastimenti navali fir-reġjun, f’dak li ġie meqjus bħala sforz biex jagħfsu pressjoni fuq l-Iran sabiex jikkonkludi ftehim.
Araghchi qal dan fuq numru ta' telefonati ma' ministri għall-affarijiet barranin oħra ta' pajjiżi inkluż l-Emirati Għarab Maqgħuda, il-Qatar, il-Kuwait, Bahrain u l-Iraq, fejn qal li l-Iran se teżerċita d-dritt tagħha sabiex tipproretiġi lilha nfisha sabiex tipproteġi l-integrita' tal-Iran. Barra minn hekk, il-ministru Iranjan "fakkar" dawn il-pajjiżi li għandhom "responsabbilta'" li jipprevenu l-użu ħażin tal-fakultajiet u t-territorji tagħhom mill-Istati Uniti u l-Iżrael.
Reazzjonijiet Internazzjonali
L-uffiċju tal-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni esprema solidarjeta' mal-populazzjoni tal-Iran fejn qal li se jibqa' jitloba rispett għad-drittijiet ċivili u politiċi. L-uffiċju qal ukoll li Meloni se tikkonsulta ma' alleati u mexxejja fir-reġjun sabiex itaffu t-tensjonijiet.
Il-ministeru għall-affarijiet barranin tar-Russja ddiskrieva l-azzjonijiet tal-Istati Uniti u tar-Russja bħala traskuraġni u li jiksru liġijiet internazzjonali.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen talbet lill-partijiet kollha sabiex iżommu lura sabiex jipproteġu l-ħajjiet u jirrispettaw l-liġijiet internazzjonali.