L-Iżrael u l-Amerika jniedu attakk fuq l-Iran hekk kif Trump jiddikjara gwerra

F’vidjow fuq il-pjattaforma tiegħu tal-midja soċjali, il-President Amerikan Donald Trump iddikjara uffiċjalment gwerra kontra l-Iran, u wiegħed li jeqred il-kapaċitajiet militari tal-pajjiż

L-Iżrael u l-Istati Uniti niedew attakk "preventiv", skont l-Istati Uniti, fuq il-kapitali tal-Iran kmieni s-Sibt filgħodu.

Il-ministru għad-difiża tal-Iżrael qal li l-attakk kellu l-mira li "jneħħi t-theddid" u ħabbar li ġie ddikjarat "state speċjali u permanenti ta' emerġenza" fl-Iżrael.

Is-sireni tal-rejds mill-arju daqqu mal-Iżrael xit-8:15am ħin lokali, li servew ta' twissija għall-possibilta' ta' sparar ta' missili ritaljatorji. 

L-attakki qed iseħħu waqt li Washington u Tehran qed jippruvaw jinnegozjaw ftehim immirat biex jillimita l-programm nukleari tal-Iran. L-attakki ġew wara li l-Istati Uniti ġabru preżenza sostanzjali ta’ ajruplani tal-ġlied u bastimenti navali fir-reġjun, f’dak li ġie meqjus bħala sforz biex jagħfsu pressjoni fuq l-Iran sabiex jikkonkludi ftehim.

Filwaqt li kien irrappurtat li l-Iran wera xi flessibbiltà fit-taħditiet, il-President Amerikan Donald Trump, li qabel hedded b’azzjoni militari biex iġiegħel lil Tehran jilħaq ftehim, qal li ma kienx “ferħan” bil-progress tad-diskussjonijiet.

“Il-bombi se jinżlu kullimkien”

F’vidjow ta’ tmien minuti fuq il-pjattaforma tiegħu tal-midja soċjali, il-President Amerikan Donald Trump iddikjara uffiċjalment gwerra kontra l-Iran, u wiegħed li jeqred il-kapaċitajiet militari tal-pajjiż.

Fl-appell tiegħu lill-poplu Iranjan, Trump enfasizza li ċ-ċivili għandhom jibqgħu ġewwa, hekk kif qal li “il-bombi se jinżlu kullimkien.” Trump qal li ladarba tintemm l-operazzjoni militari, l-Iranjani jkunu jistgħu jieħdu f’idejhom il-gvern tagħhom.

“Lill-membri tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iżlamika, il-Forzi Armati u l-pulizija kollha, ngħidilkom illejla li għandkom tpoġġu l-armi tagħkom u tingħataw immunità sħiħa, inkella taffaċċjaw mewt ċerta. Għalhekk, poġġu l-armi tagħkom. Intom tkunu trattati b’mod ġust b’immunità totali, inkella taffaċċjaw mewt ċerta,” qal Trump.

Trump mexxa l-akbar tkabbir militari Amerikan fil-Lvant Nofsani mill-invażjoni tal-Iraq immexxija mill-Istati Uniti fl-2003.

L-Iran tirritalja

Fl-ewwel attakki ta’ ritaljazzjoni tiegħu minn meta nqatgħu l-ewwel tiri, l-Iran nieda missili lejn it-Tramuntana ta’ Iżrael, filwaqt li s-sistema ta’ difiża bl-ajru Iron Dome interċettat il-missili. Is-sireni qed jinstemgħu madwar Iżrael kif ukoll fil-pajjiż ġar, il-Ġordan.

Sadanittant, bażi navali Amerikana fil-Bahrain kienet fil-mira ta’ attakk ieħor bil-missili mill-Iran.

More in Barranin