Intraprenditriċi b’rabtiet ma’ Malta talbet lil Epstein biex jagħmel tarbija magħha
Nicole Junkermann, investitriċi Ġermaniża riedet tirreġistra fondazzjoni f’Malta biex tkun tista’ tamministra fond ta’ investiment u kienet tuża kumpanija f’Malta għal titjiriet privati, anke biex tiltaqa’ ma’ Jeffrey Epstein
minn Paul Cocks
Intraprenditriċi u investitriċi Ġermaniża, b’rabtiet ma’ Malta, talbet lil Jeffrey Epstein – li kien instab ħati ta’ reati sesswali gravi, anke fuq minuri – biex jagħmlu tarbija flimkien.
Nicole Junkermann, sid il-kumpanija Nicole Junkermann Finance Capital (NJF Capital), jidher li kellha ħbiberija intima mal-pedoflu Amerikan, tant li isimha jidher 3,475 darba fil-fajls ta’ Epstein maħruġa mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti.
Junkermann kellha interessi kummerċjali f’Malta, fosthom ma’ uffiċċju ta’ avukati li irreġistraw l-uffiċċji tagħhom bħala l-indirizz uffiċjali għall-amministrazzjoni u l-immaniġġar tal-fondazzjoni.
Il-fajls ippubbiklati jinkludu applikazzjoni u ftehim preliminari, datati 2014, għat-twaqqif tal-fondazzjoni, li jispjegaew kif il-fondazzjoni kienet se tiġi finanzjata minn Junkermann u l-parametri għall-investiment f’kumpaniji u teknoloġiji li kienet tidentifika.
Il-fajls fuq Epstein juru wkoll li meta darba mar Pariġi fl-2012, Junkermann użat kumpanija tal-ajru bbażata f’Malta – Luxwing – biex torganizza titjiriet sabiex tiltaqa’ miegħu.
Skont rapporti fil-midja internazzjonali, Junkermann u Epstein kienu ilhom jafu lil xulxin għal aktar minn 20 sena u bagħtu mijiet ta’ emails lil xulxin. L-ewwel rekord ta’ interazzjoni fil-fajls maħruġa mid-Dipartiment tal-Ġustizzja huwa minn Mejju 2009. F’dak iż-żmien, Epstein kien qed jiskonta sentenza fil-ħabs għal akkwist u traffikar ta’ minuri għall-prostituzzjoni. Xahrejn wara, inħeles u temm is-sentenza tiegħu taħt arrest fid-dar tiegħu.
Ir-rekords juru li Junkermann, li hija bbażata Londra, użat ir-relazzjonijiet tagħha ma’ Epstein biex tavvanza l-karriera tagħha. Permezz ta’ Epstein, iltaqgħet ma’ figuri prominenti – inkluża l-bankiera Franċiża Ariane de Rothschild u Leon Black, il-biljunarju tal-private equity – u anke ġiet nominata għall-programm Young Global Leaders immexxi mill-World Economic Forum.
“Mr Wonderful"
Email mibgħut fl-10 ta’ Ġunju 2010 għandu s-suġġett “Se jkollok tarbija miegħi?”, u fit-test jgħid “Fejn hu l-aħjar post biex nagħmlu dan?” Għalkemm l-isem tar-riċevitur ġie mħassar f’dan il-messaġġ, l-istess email ġie mgħoddi minn Junkermann lil Epstein fil-15 ta’ Ġunju, 2010 kif juru d-dokumenti.
Fl-2011 hija sejħitlu “Daddy” u staqsietu dwar kif jista’ jsir hedging finanzjarju kontra l-ewro.
F’Novembru 2013, f’email li Junkermann bagħtet lil Epstein, qaltlu, “Inti ġġegħlni nitbissem, inti f’qalbi :)”.
U f’email ieħor, irreferiet għal Epstein bħala “Mr Wonderful”. F’risposta għal ittra miktuba mill-avukati ta’ Epstein fl-2019, Junkermann qalet,
“Nittamaw li tkun biss mewġa, u terġa’ tgħaddi ... ħin ħażin għall-kwistjoni kollha Me Too.”
Huwa importanti li jiġi nnutat li inklużjoni fil-fajls ta’ Epstein ma timplikax ħażen jew reat.
Il-komunikazzjoni bejn Junkermann u Epstein kompliet għal żmien twil wara l-ewwel kundanna ta’ Epstein fl-2008 u baqgħet għaddejja sal-2019, is-sena tal-mewt tiegħu.
F’Jannar 2014, Epstein talab lil Junkermann biex tgħinu jsib impjegati u offrielha xogħol, għalkemm m’hemm xejn li jissuġġerixxi li Junkermann aċċettat din l-offerta. F’email, Epstein kiteb: “Pariġi fid-29, ġej biex nintervista xi nies għal kap tal-istaff. Nittama li narak. Ma tafx xi tfajla fl-għoxrinijiet tagħha minn familja tajba, ta’ fiduċja, li titkellem aktar minn lingwa waħda?”
F’korrispondenza oħra, Junkermann fakkret lil Epstein fuq numru ta’ rigali li kienet xtratlu, inkluż bathrobe tal-cashmere u ġojjellerija.
Lil Junkermann, Epstein kien jagħtiha wkoll pariri fuq investimenti, inkluż investiment f’Carbyne, kumpanija teknoloġika Iżraeljana appoġġata mill-Eks Prim Ministru Ehud Barak.
Epstein u Malta
Epstein ukoll jidher li kien interessat f’Malta. Emails mill-2014 juru lil Epstein jiddiskuti vjaġġi lejn Malta waqt li kien qed jirriċerka l-qafas tat-taxxa tal-pajjiż u jorganizza laqgħat ma’ avukati u awdituri Maltin. Il-korrispondenza tissuġġerixxi li Malta kienet qed tiġi kkunsidrata bħala
parti minn strateġija finanzjarja u ta’ strutturar usa’, aktar milli sempliċement destinazzjoni tal-ivvjaġġar.
F’dak iż-żmien, Malta kienet qed tippożizzjona ruħha bħala ġurisdizzjoni finanzjarja flessibbli, partikolarment f’setturi emerġenti bħall-cryptocurrency u t-teknoloġija finanzjarja.
F’wieħed mill-iskambji, Epstein semma “bitcoin gurus” li kienu se jkunu Malta waqt żjara ppjanata għal Awwissu 2014. Dan seħħ qabel Malta adottat it-tikketta ta’ “Blockchain Island”.
“Orribbli”
Wara li ġew ippubblikati l-fajls, kelliem għal Nicole Junkermann sostna li Epstein kien “qarraq” biha, u li hi kienet “manipulata biex tafdah”, waqt li sejjaħ ir-reati ta’ Epstein “orribbli”. Il-kelliem qal: “L-iskala tar-reati ta’ Jeffrey Epstein hija tal-biża’. Bħala mara u
omm, Nicole kienet kompletament imqarrqa minnu u jiddispjaċiha ferm dwar il-konverżazzjonijiet tagħhom rigward kwistjonijiet personali u professjonali.
Nicole kienet kompletament ixxukkjata meta fehmet in-natura vera tiegħu u t-tbatija li kkawża lin-nisa u t-tfajliet permezz tal-abbuż tal-fiduċja, il-poter u l-manipulazzjoni. Il-ħsibijiet tagħha llum huma kompletament mal-vittmi tiegħu, u tħares ’il quddiem għall-jum meta l-veri predaturi jiffaċċjaw il-ġustizzja.”
