Merz u Macron iħeġġu għall-ħolqien ta' deterrent nukleari Ewropew
Waqt is-Summit tas-Sigurta' f'Munich, iż-żewġ mexxejja Ewropej ikkonfermaw illi għaddejjin taħdidiet dwar il-ħolqien ta' deterrent nukleari Ewropew, filwaqt li Von Der Leyen ħeġġet għat-tisħiħ ta' difiża kollettiva Ewropea
minn Eman Farrugia
L-ordni dinjija bbażata fuq ir-regoli "m'għadhiex teżisti", wissa l-Kanċillier Ġermaniż f'summit ewlieni dwar is-sigurtà.
Fil-ftuħ tal-Konferenza tas-Sigurtà f'Munich; li huwa l-ikbar avveniment annwali dwar is-sigurta' globali; Friedrich Merz qal lil mexxejja dinjija oħra li "l-libertà tagħna mhijiex garantita" f'era ta' politika ddominata mill-eġemonija ta' superpotenzi kbar, u li l-Ewropej iridu jkunu lesti li jagħmlu "sagrifiċċju".
Huwa ammetta wkoll li "nfetħet qasma profonda bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti".
Il-konferenza qiegħda ssir fl-isfond tat-theddid tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump fil-konfront tas-sovranità tad-Danimarka fuq Greenland billi wiegħed li jannessa t-territorju Artiku u hedded illi jimponi t-tariffi fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi Ewropej jekk ikun hemm oppożizzjoni għall-ambizzjonijiet tiegħu dwar l-annessjoni tat-territorju.
Is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Marco Rubio, illi kien qiegħed jisma' lil Merz u li għamel id-diskors tiegħu stess nhar is-Sibt, aktar kmieni din il-ġimgħa tkellem dwar "era ġdida fil-ġeopolitika".
Madwar 50 mexxej dinji huma mistennija jattendu l-konferenza ta' din is-sena, fejn qgeħdin jiġu diskussi d-difiża Ewropea u l-futur tar-relazzjoni bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti.
Dan qiegħed iseħħ fi żmien meta l-impenn tal-Istati Uniti lejn it-tisħiħ tal-alleanza militari tan-NATO qiegħed jonqos. L-ambizzjoni ta’ Trump li jakkwista l-Groenlandja ġiet meqjusa wkoll minn ħafna mexxejja Ewropej bħala deċiżjoni kruċjali li qiegħda tnaqqas il-fiduċja li għandhom fl-Istati Uniti, illi spiss kien meqjus bħala l-akbar alleat tal-Ewropa.
Trump qal lill-ġurnalisti barra l-White House nhar il-Ġimgħa: “Greenland se tridna... Niftiehmu tajjeb ħafna mal-Ewropa. Se naraw kif se taħdem. Qegħdin ninnegozjaw bħalissa dwar Greenland.”
Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, it-tensjonijiet bejn il-Punent u ċ-Ċina, kif ukoll ftehim nukleari potenzjali bejn l-Iran u l-Istati Uniti huma wkoll fuq l-aġenda tal-laqgħa annwali.
B’referenza għal diversi twissijiet li l-ordni bbażata fuq ir-regoli kienet qed tiġġarraf, Merz qal lill-konferenza: “Nibża’ li rridu ngħiduha b’mod aktar ċar: din l-ordni, kemm jekk kienet imperfetta fl-aqwa tagħha, m’għadhiex teżisti f’dik il-forma.”
Huwa qal ukoll li “nfetħet firda, qasma profonda bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti. Il-Viċi President JD Vance qal dan apertament ħafna hawn f’Munich sena ilu”.
Merz kompla: "Kellu raġun. Il-gwerra kulturali tal-moviment Maga (Make America Great Again) mhijiex tagħna. Il-libertà tal-kelma tispiċċa hawn magħna meta dak id-diskors imur kontra d-dinjità umana u l-kostituzzjoni. Ma nemmnux fit-tariffi u l-protezzjoniżmu, iżda fil-kummerċ ħieles."
Is-sena l-oħra, Vance attakka l-Ewropa, inkluż ir-Renju Unit, għal politiki dwar il-libertà tal-kelma u l-immigrazzjoni. Id-diskors tiegħu wassal għal sena ta’ tensjoni transatlantika bla preċedent.
Iżda Merz ma warrabx is-sħubija li ilha għaddejja għexieren ta’ snin, iżda appella direttament lill-Istati Uniti billi qal "ejjew insewwu u nqajmu l-fiduċja transatlantika".
Taħdidiet bejn Franza u l-Ġermanja dwar il-ħolqien ta' deterrent nukleari Ewropew
Il-mexxej Ġermaniż żvela wkoll li "taħditiet kunfidenzjali" kienu għaddejjin mal-President Franċiż Emmanuel Macron dwar il-ħolqien ta’ deterrent nukleari Ewropew konġunt. Ma tax aktar dettalji.
Franza u r-Renju Unit huma l-uniċi żewġ potenzi nukleari fl-Ewropa; iżda l-Ġermanja u ħafna nazzjonijiet Ewropej oħra tradizzjonalment baqgħu jiddependu fuq l-umbrella nukleari tal-Istati Uniti fi ħdan l-alleanza tan-NATO għad-deterrenza.
Meta indirizza l-konferenza aktar tard nhar il-Ġimgħa, Macron tenna s-sejħa tiegħu biex l-Ewropa "titgħallem issir potenza ġeopolitika" fil-kuntest globali l-ġdid.
Huwa qal li l-Ewropa diġà kienet qed terġa’ tarma wara l-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja fl-Ukrajna fl-2022; iżda enfasizza li "rridu naċċelleraw" u naħdmu kollettivament madwar il-kontinent.
Filwaqt li ddeskriva l-gwerra fl-Ukrajna bħala "sfida eżistenzjali" tal-Ewropa, il-mexxej Franċiż ħeġġeġ lil oħrajn biex "ma jċedux għat-talbiet Russi"; iżda pjuttost biex iżidu l-pressjoni fuq Moska biex tinkiseb paċi ġusta.
Qabel il-konferenza ta’ Munich, Rubio wissa li "d-dinja qed tinbidel malajr ħafna quddiemna" wara li ġie mistoqsi jekk il-messaġġ tiegħu lill-Ewropej kienx se jkun aktar konċiljatorju minn dak ta’ Vance sena ilu.
"Ngħixu f’era ġdida fil-ġeopolitika, u se teħtieġ li lkoll kemm aħna neżaminaw mill-ġdid kif tidher u x’se jkun ir-rwol tagħna," qal.
It-tensjonijiet żdiedu f’dawn l-aħħar xhur hekk kif Trump ripetutament qal li l-Greenland hija vitali għas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti, u ddikjara mingħajr evidenza li kienet "invażata b’vapuri Russi u Ċiniżi kullimkien".
Il-Prim Ministru Daniża Mette Frederiksen qalet aktar kmieni din il-ġimgħa li kienet qed tippjana li tiltaqa’ ma’ Rubio biex tiddiskuti t-theddid tal-Istati Uniti li tannessa lill-Greenland mingħand l-alleat tagħha tan-NATO.
Il-klawżola tad-difiża reċiproka tal-Ewropa trid "tieħu l-ħajja" - Von der Leyen
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen tkellmet dwar id-difiża billi qalet illi l-Ewropa qed "twettaq" bl-infiq fl-Ewropa jiżdied bi kważi 80% minn qabel il-gwerra fl-Ukrajna. Hija żiedet tgħid li l-Ewropa trid titgħallem tkun iżjed indipendenti
"Sal-2028, l-investiment fid-difiża fl-Ewropa huwa saħansitra pprojettat li jaqbeż l-ammont li l-Istati Uniti nefqu fuq tagħmir bħal dan is-sena l-oħra. Dan huwa qawmien Ewropew veru," żiedet tgħid.
"Nemmen li wasal iż-żmien li l-klawżola tad-difiża reċiproka tal-Ewropa tieħu l-ħajja. Id-difiża reċiproka mhijiex fakultattiva għall-UE. Hija obbligu fit-Trattat tagħna stess; l-Artikolu 42(7). Għal raġuni tajba. Huwa l-impenn kollettiv tagħna li nappoġġjaw lil xulxin f'każ ta' aggressjoni. Jew fi kliem sempliċi, wieħed għal kulħadd u kulħadd għal wieħed.''
Diskors konċilatorju minn Marco Rubio
Fid-diskors tant mistenni tiegħu, Marco Rubio qal li l-Istati Uniti trid "tirrivitalizza" r-relazzjoni tagħha mal-Ewropa u li ż-żewġ blokki għandhom jirranġaw dak li ddeskriva bħala status quo "mkisser" flimkien.
Id-diskors ta' Rubio kellu ton pjuttoust konċilatorju meta mqabbel mat-ton konfrontazzjonali ta' Vance. Id-diskors ġie deskritt bħala xhieda tad-differenza fil-ħsieb taż-żewġ esponenti ta' Trump, li potenzjalment jistgħu jkunu rivali fl-Elezzjoni Presidenzjali tal-Istati Uniti li se ssir fl-2028.
Iżda xorta żamm mal-linja tal-gvern tal-Istati Uniti, billi sostna li l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli li twieldet wara t-Tieni Gwerra Dinjija kisret is-sovranità u wasslet għall-imigrazzjoni tal-massa, deindustrijalizzazzjoni u tnaqqis li min-naħa tiegħu ddestabbilizza l-pajjiżi tal-Punent.
Fid-diskors tiegħu, huwa kompla jgħid li n-Nazzjonijiet Uniti teħtieġ li tiġi rriformata sabiex tindirizza r-realtajiet globali attwali, billi rreferea għad-dgħjufija tal-organizzazzjoni meta affaċċjata bil-kunflitti riċenti fl-Ukrajna u f'Gaża. Huwa tenna li l-Istati Uniti trid issewwi l-istatus quo attwali u li ''jinteressaha profondament'' mill-Ewropa.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea sostniet li hija sodisfata bid-diskors ta' Rubio.
