Reazzjonijiet internazzjonali għar-rikonoxximent tas-Somaliland mill-Iżrael
L-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Afrikana u l-Lega Għarbija kienu fost dawk illi kkundannaw lid-deċiżjoni tal-Iżrael
More in Barranin
L-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Afrikana u l-Lega Għarbija kienu fost dawk illi kkundannaw lid-deċiżjoni tal-Iżrael
Matul l-aħħar jiem, bosta pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali ħarġu jikkundannaw id-deċiżjoni tal-Iżrael sabiex jirrikonoxxi l-istat separatista tas-Somaliland, illi ġie deskritt bħala żvilupp politiku li se jhedded l-istabbilita' tal-Afrika u tad-dinja Għarbija.
Is-Somaliland huwa stat separatista li jassumi kontroll de-facto fuq territorju fit-Tramuntana tas-Somalja u li jippretendi rikonoxximent bħala stat sovran mill-komunita' internazzjonali. L-Iżrael huwa l-ewwet stat membru tan-Nazzjonijiet Uniti li ħa l-pass sabiex jirrikonoxxi lis-Somaliland, hekk kif is-Somaliland qiegħed jippjana li jestendi l-kooperazzjoni militari tiegħu mal-Iżrael fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar.
Dan ir-reġjun huwa ta' interess għall-Iżrael billi huwa ddominat mill-grupp Houthi li jassumi kontroll fil-Jemen ta' Fuq bl-għajnuna tal-Iran u li b'mod ripetut attakka lill-Iżrael u lil bastimenti assoċjati mal-Iżrael fl-istrett ta' Bab al-Mandab waqt il-ġenoċidju f'Gaża.
Huwa maħsub illi s-Somaliland qiegħed jippjana li jiffirma l-Akkordi ta' Abraham u b'hekk jingħaqad ma' pajjiżi Għarab oħrajn illi diġa' rrikonoxxew lill-Iżrael; illi huma l-Marokk, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Baħrejn u s-Sudan.
L-Unjoni Afrikana ħarġet stqarrija li tikkundanna bil-qawwa l-pass tal-Iżrael minħabba l-biża' li dan il-pass jista' jħeġġeġ lil gruppi separatisti oħrajn fl-Afrika sabiex jiddikjaraw is-sovranita' tagħhom.
B'riżultat tal-legat tal-fruntieri kolonjali, l-Afrika tospita għadd ta' gruppi separatisti li fi snin riċenti ġġieldu gwerer sabiex iwaqqfu l-istati sovrani tagħhom; fosthom il-grupp separatista tal-Kabinda fl-Angola u l-grupp separatista ta' Azawad fil-Mali. L-Unjoni Afrikana tenniet li pass tal-Iżrael jista' jhedded l-istabbilita' tal-kontinent Afrikan billi jista' jwassal sabiex iżjed gruppi separatisti jiksbu leġittimita'.
B'mod simili, l-Unjoni Ewropea u l-Lega Għarbija ħarġu stqarrijiet jikkundannaw il-pass tal-Iżrael u ħeġġew lill-komunita' internazzjonali sabiex tosserva l-liġi internazzjonali billi tipproteġi l-integrita' territorjali tas-Somalja.
Is-Somaliland, illi kien magħruf bħala s-Somaliland Brittanika, huwa eks-kolonja Brittanika li jinsab fil-Qarn tal-Afrika, u li fl-1960 ingħaqad mas-Somaliland Taljana sabiex tiġi fformata l-federazzjoni tas-Somalja, iżda li fis-snin disgħin reġa' ddikjara l-indipendenza tiegħu b'riżultat tal-gwerra ċivili fil-pajjiż. Madanakollu, is-Somaliland qatt ma kiseb rikonoxximent internazzjonali ħlief dak illi kiseb mill-Iżrael ġimgħa ilu.
Id-deċiżjoni tal-Iżrael fir-rigward tas-Somaliland hija parti mill-politika barranija kontroversjali tal-gvern ta' Benjamin Netanyahu fil-konfront tad-dinja Għarbija.
F'deċiżjoni oħra kontroversjali li kienet kontradittorja għal-liġi internazzjonali, l-Iżrael irrikonoxxa s-sovranita' tal-Marokk fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent, territorju illegalment okkupat illi qiegħed jiġġieled għall-indipendenza tiegħu mill-Marokk, bil-kundizzjoni li l-Marokk tirrikonoxxi lill-Iżrael u tiffirma l-Akkordi ta' Abraham.