Investigaturi Żvizzeri qed jaħdmu biex jidentifikaw l-aħħar vittmi u l-kawża eżatta tan-nar li qatel mill-inqas 47 persuna li kienu qegħdin jiċċelebraw l-Ewwel tas-Sena waqt festin f'bar iffullat fir-resort tal-iskijjar ta' Crans-Montana.
Għexieren ta' nies li sofrew ġrieħi serji b'riżultat tan-nirien ittieħdu lejn pajjiżi fil-qrib għal kura urġenti, filwaqt li l-awtoritajiet indikaw li sparklers jew xemgħat imwaħħlin ma’ fliexken tax-xampanja u mgħollija wisq qrib is-saqaf kienu l-kaġun tan-nirien li seħħew fis-sigħat bikrin tal-Ħamis.
It-traġedja ħalliet lill-Iżvizzera xxukkjata, hekk kif il-familji tal-mijiet ta' nies li attendew il-festa, li fil-maġġoranza tagħhom huma żgħażagħ, għadhom qegħdin jistennew aħbarijiet dwar il-maħbubin tagħhom.
Ħafna mill-119-il persuna midruba fin-nar għadhom f'kundizzjoni kritika.
Minn dawk midruba, 113 ġew identifikati, qal il-kmandant tal-pulizija reġjonali tal-kanton ta' Wallis Frederic Gisler. Huwa żied jgħid li l-uffiċjali kienu qed jaħdmu "bla heda" biex itemmu x-xogħol.
Ħafna minn dawk midruba kienu ċittadini barranin, u minħabba l-popolarità internazzjonali ta' Crans-Montana, ċittadini mhux Żvizzeri huma wkoll mistennija li jkunu fost il-mejtin.
Mill-feruti, 71 kienu Żvizzeri, 14 Franċiżi, 11 Taljani, u erbgħa mis-Serbja, flimkien ma’ vittmi mill-Bożnija, il-Belġju, il-Polonja, il-Portugall u l-Lussemburgu. L-awtoritajiet Żvizzeri wissew li l-proċess sabiex jiġu identifikati dawk kollha li mietu jista' jieħu ġranet sħaħ,
L-Unjoni Ewropea qalet li l-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u r-Rumanija huma fost il-pajjiżi li qegħdin jospitaw lill-midruba.