Il-President Veneżwelan u martu se jitellgħu l-qorti Amerikana

Nicolas Maduro u martu Cilia Flores ġew akkużatti b'numru ta' akkużi kriminali fl-istat Amerikan ta' New York 

Nicolas Maduro u martu Cilia Flores
Nicolas Maduro u martu Cilia Flores

L-avukat ġenerali tal-Istati Uniti Pam Bondi ddikjarat li l-President Veneżwelan Nicolas Maduro u martu se jidhru quddiem il-qorti Amerikana.

Maduro huwa akkużat b'konfoffa ta' terroriżmu relatat ma' droggi, konfoffa ta' importazzjoni ta' kokaina, pussess ta' armamenti distruttivi bħall-machine guns u konfeffa ta' pussess it-tali machine guns kontra l-Amerka. 

Bondi qalet fuq il-pjattaforma soċjali X li ż-żewġ akkużatti se jaffaċjaw l-ġustizzja Amerikana f'qrati Amerikana fuq art Amerikana.

Il-President Amerikan Donald Trump jgħid li Maduro u martu nħatfu u ttajjaru 'il barra mill-pajjiż f'operazzjoni mill-Istati Uniti wara serje te' attakki fil-Veneżwela. Trump qal dan fuq il-pjattaforma soċjali tiegħu Truth, fejn hu kkonferma wkoll li l-attakki fuq il-Veneżwela kienu mill-Istati Uniti, parti mill-operazzjoni ta' ħtif. Trump qal li se jkun hemm konferenza tal-aħbarijiet fuq il-kwistjoni s-Sibt f'Mar-a-Lago fil-11am ħin tal-Veneżwela.

Sky News irraporta li sorsi viċin tal-Oppożizzjoni Veneżewlana saħqu li l-'ħtif' ta' Maduro kien wieħed negozzjat bejn Maduro u l-istat Amerikan.

Il-gvern tal-Veneżwela qal illi matul is-sigħat bikrin ta' filgħodu, diversi partijiet tal-pajjiż ġew attakkati, inkluż il-kapitali, Caracas u tliet stati oħrajn fil-viċinanzi.

Fi stqarrija, il-gvern Veneżwelan qal illi "jikkundanna quddiem il-komunità internazzjonali" dak li sejjaħ bħala attakk mill-Istati Uniti fuq "it-territorju u l-popolazzjoni Veneżwelana" f'postijiet ċivili u militari f'Caracas, kif ukoll fl-istati ta' Miranda, Aragua u La Guaira.

Id-dikjarazzjoni ssegwi rapporti li instemgħu mill-inqas seba' splużjonijiet f'Caracas għall-ħabta tas-sagħtejn ta' filgħodu ħin lokali nhar is-Sibt, akkumpanjati mill-ħoss ta' ajruplani militari jtiru baxx.

Il-gvern qal li l-President Veneżwelan Nicolas Maduro ordna l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' difiża nazzjonali "fil-ħin u ċ-ċirkostanzi xierqa", f'konformità mal-kostituzzjoni u l-liġijiet tas-sigurtà nazzjonali. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-gvern iddikjara stat ta' emerġenza fil-pajjiż kollu. 

L-attakki fuq il-Veneżwela jsegwu xhur ta' provokazzjoni mill-amministrazzjoni ta' Trump fil-konfront tal-Veneżwela, illi akkużat lill-gvern Veneżwelan b'involviment fi ċrieki tat-traffikar tad-droga fil-Karibew. 

Fix-xhur li għaddew, l-amministrazzjoni ta' Trump ordnat serje ta' attakki f'ibħra internazzjonali fuq bastimenti allegatament involuti fit-traffikar tad-droga mill-Amerika Latina lejn l-Istati Uniti.

Ftit ġimgħat ilu, l-Istati Uniti ordnat ukoll il-ħtif ta' tliet tankers taż-żejt assoċjati mal-Veneżwela hekk kif akkużat lill-gvern Veneżwelan bl-użu tal-profitti ġġenerati mill-esportazzjoni taż-żejt sabiex tiffinanzja attivita' kriminali fir-reġjun. 

Il-Veneżwela jospita l-ikbar riżervi taż-żejt magħrufa fid-dinja.

More in Barranin