Trump jhedded li jintervjeni jekk l-Iran jrażżan b’mod vjolenti il-protesti
Protesti dwar diffikultajiet ekonomiċi fl-Iran saru fatali wara li d-dimostranti ħabtu mal-forzi tas-sigurta'
More in Barranin
Protesti dwar diffikultajiet ekonomiċi fl-Iran saru fatali wara li d-dimostranti ħabtu mal-forzi tas-sigurta'
Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump wissa li l-Istati Uniti se jintervjenu jekk l-Iran jispara u joqtol dimostranti paċifiċi, wara li protesti dwar l-għoli tal-ħajja spiċċaw b’imwiet.
“Jekk l-Iran jispara u joqtol b’mod vjolenti dimostranti paċifiċi, li hija drawwa tagħhom, l-Istati Uniti tal-Amerika se jmorru għas-salvataġġ tagħhom,” qal Trump f’messaġġ fuq il-pjattaforma soċjali tiegħu Truth Social nhar il-Ġimgħa. “Aħna lesti u armati u lesti biex naġixxu.”
Ftit wara, Ali Larijani, eks Speaker tal-Parlament u s-segretarju tal-Kunsill Suprem tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Iran, allega pubblikament – mingħajr ma ppreżenta evidenza – li Iżrael u l-Istati Uniti kienu qed iqanqlu d-dimostrazzjonijiet.
Larijani wissa li kwalunkwe intervent mill-Istati Uniti jwassal għall-kaos fir-reġjun u għad-“distruzzjoni tal-interessi tal-Istati Uniti”.
It-theddida ta’ Trump ġiet wara l-mewt ta’ diversi persuni, hekk kif l-Iran ra l-akbar protesti f’dawn l-aħħar tliet snin minħabba tbatijiet ekonomiċi.
Dimostranti u forzi tas-sigurtà ħabtu fil-Punent tal-Iran nhar il-Ħamis, b’seba’ persuni rrappurtati mejta — l-ewwel imwiet minn mindu bdew il-protesti dwar l-għoli tal-ħajja nhar il-Ħadd.
L-awtoritajiet arrestaw 30 persuna f’Tehran talli “fixklu l-ordni pubbliku”.
Il-protesti bdew il-Ħadd fil-kapitali, fejn sidien ta’ ħwienet daħlu fi strajk minħabba l-prezzijiet għoljin u l-istagnazzjoni ekonomika. Minn dakinhar infirxu lejn partijiet oħra tal-pajjiż, b’studenti jingħaqdu wkoll.
Il-President Iranjan Masoud Pezeshkian ipprova jnaqqas it-tensjoni, billi rrikonoxxa t-“talbiet leġittimi” tal-protestanti, u nhar il-Ħamis appella lill-gvern biex jieħu azzjoni biex itejjeb is-sitwazzjoni ekonomika.
“Mill-perspettiva Iżlamika... jekk ma nsolvux il-problema tal-għajxien tan-nies, fl-aħħar nispiċċaw fl-infern,” qal Pezeshkian waqt avveniment imxandar fuq it-televiżjoni tal-istat.
Madankollu, l-awtoritajiet Iranjani wegħdu wkoll li jieħdu pożizzjoni “iebsa” u wissew kontra l-isfruttament tas-sitwazzjoni biex jinħoloq il-kaos.
Il-munita nazzjonali tal-Iran, ir-rial, tilfet aktar minn terz tal-valur tagħha kontra d-dollaru Amerikan matul l-aħħar sena, filwaqt li inflazzjoni għolja b’żewġ ċifri ilha għal snin iddgħajjef il-qawwa tax-xiri tal-Iranjani.
Skont iċ-Ċentru Statistiku tal-Iran, korp uffiċjali, ir-rata tal-inflazzjoni f’Diċembru kienet ta’ 52% fuq bażi annwali.