Splużjoni segwita minn nar f’bar fir-resort tal-iskijjar ta’ Crans-Montana, fl-Isvizzera, waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena, ħalliet diversi għexieren ta’ persuni mejta u madwar 100 midruba.
L-isplużjoni seħħet għall-ħabta tas-1.00am (ħin lokali) tal-Erbgħa fil-Le Constellation Bar and Lounge, post popolari fir-resort Alpin li jinsab fir-reġjun ta’ Valais.
“Diversi għexieren ta’ persuni huma preżunti mejta, b’aktar minn 100 midruba,” qal Frédéric Gisler, kmandant tal-pulizija kantonali ta’ Valais. “Il-maġġoranza tal-midrubin jinsabu f’kundizzjoni serja.”
L-isplużjoni seħħet waqt li l-klijenti kienu qed jiċċelebraw il-bidu tas-sena l-ġdida f’dan il-post, li għandu kapaċità ta’ aktar minn 300 persuna. Rapporti jissuġġerixxu li aktar minn 100 persuna kienu ġewwa l-bar meta seħħ l-inċident.
Il-President tal-Kunsill tal-Istat, Mathias Reynard, qal li s-servizzi tal-emerġenza wieġbu b’ħeffa kbira. “Is-servizzi tas-saħħa ġew mobilizzati malajr ħafna b’10 ħelikopters u 40 ambulanza,” qal. “Irridu nagħtuhom ġieħ.”
L-unità tal-kura intensiva fl-isptar ta’ Valais issa tinsab mimlija għal kollox, u pazjenti qed jiġu trasferiti lejn sptarijiet universitarji oħra madwar l-Isvizzera. “Uħud mill-vittmi qed jiġu stabbilizzati fil-kura intensiva u se jiġu trasferiti għal trattament ta’ ġrieħi gravi,” żied Reynard.
Il-pulizija kkonfermat li fost il-vittmi hemm persuni ta’ diversi nazzjonalitajiet differenti, u ddeskriviet lil Crans-Montana bħala “resort tal-iskijjar ta’ fama internazzjonali b’ħafna turisti”.
L-awtoritajiet eskludew li l-inċident kien attakk. Il-prosekutur ġenerali tal-kanton ta’ Valais, Beatrice Pilloud, qalet: “Bħalissa qed nippreferu l-possibbiltà ta’ nar u f’ebda ħin m’hemm il-mistoqsija ta’ xi attakk.”
Il-kawża tal-isplużjoni għadha mhix magħrufa, għalkemm il-midja Żvizzera Blick issuġġeriet li setgħet kienet ikkawżata minn piroteknika waqt kunċert. Il-bar, li jinsab fil-kantina tal-binja, huwa meqjus bħala istituzzjoni lokali li ilha topera għal mill-inqas 40 sena.
Ġiet imposta żona ta’ projbizzjoni tat-titjir fuq Crans-Montana u ż-żona tibqa’ kompletament magħluqa hekk kif ikomplu l-investigazzjonijiet forensiċi. Il-pulizija fetħet linja ta’ għajnuna għall-familji mħassba.
Crans-Montana huwa resort lussuż tal-iskijjar li jinsab madwar sagħtejn ’il bogħod mill-kapitali Żvizzera Bern, u għandu madwar 87 mil ta’ trails.