L-Amministrazzjoni ta’ Trump tippubblika d-dokumenti dwar il-każ ta’ Epstein

Il-pubblikazzjoni parzjali tad-dokumenti kontroversjali ġiet ikkritikata minn esponenti politiċi fuq iż-żewġ naħat tal-ispettru politiku fl-Istati Uniti

Id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti rrilaxxa ġabra kbira ta’ dokumenti fil-pussess tiegħu relatati mal-investigazzjonijiet li saru fil-konfront ta’ Jeffrey Epstein, illi nstab ħati bi traffikar ta’ minorenni għal skopijiet sesswali. Il-ġabra ta’ dokumenti ġew rilaxxati nhar il-Ġimgħa, id-data imposta mill-Epstein Files Transparency Act.

Il-liġi, iffirmata mill-President Donald Trump ix-xahar li għadda, obbligat lid-Dipartiment tal-Ġustizzja sabiex "jippubblika r-rekords, id-dokumenti, il-komunikazzjonijiet u l-materjal investigattiv kollha li għadhom mhux klassifikati" relatati ma’ Epstein, il-konspiratriċi tiegħu Ghislaine Maxwell, u individwi oħra li ssemmew f'investigazzjonijiet federali dwar il-każ, fi żmien 30 ġurnata.

Iżda l-Amministrazzjoni Trump wissiet qabel li mhux se tirrilaxxa d-dkomuneti kollha li għandha fil-pussess tagħha nhar il-Ġimgħa, kif meħtieġ mil-liġi, u tat it-tort għad-dewmien fuq il-volum tar-redazzjonijiet li kellha tagħmel sabiex tipproteġi lill-vittmi.

Madanakollu, diversi mijiet ta’ eluf ta’ dokumenti oħrajn huma mistennija li jiġu rilaxxati matul il-ġimgħat li ġejjin.

Id-Demokratiċi fil-Kungress qalu li qegħdin jeżaminaw l-possibilita’ ta’ proċeduri legali kontra d-Dipartiment tal-Ġustizzja talli naqas milli jimxi mal-liġi l-ġdida. “Donald Trump u d-Dipartiment tal-Ġustizzja qegħdin jiksru l-liġi federali billi jibqgħu jaħbu l-fatti u l-evidenza dwar iċ-ċirku internazzjonali tat-traffikar sesswali ta’ Jeffrey Epstein,” qalu l-membri tal-Kungress fi stqarrija għall-istampa.

Il-liġi li ffirma Trump ma speċifikatx penali jekk l-Amministrazzjoni Trump tonqos milli tikkonforma mal-obbligu tagħha sabiex tirrilaxxa d-dokumenti fi żmien 30 ġurnata.

L-interess pubbliku fil-każ ta' Epstein eskala b'mod drammatiku fl-aħħar sena wara li Trump u l-eqreb alleati tiegħu, ħafna minnhom issa f'pożizzjonijiet għoljin fil-kabinett, kienu wiegħdu matul il-kampanja elettorali tas-sena li għaddiet li se jirrilaxxaw id-dokumenti kollha.

Iżda malli assuma l-kariga tal-presidenza f’jannar ta’ din is-sena għat-tieni mandat tiegħu, Trump beda jissottovaluta l-importanza tad-dokument, u eventwalment beda jirreferi għas-saga ta' Epstein "ingann" iffabbrikata mid-Demokratiċi.

More in Barranin