Trump jinsisti li se jħarrek lill-BBC minkejja l-apoloġija tal-korporazzjoni

Il-president Amerikan jgħid li l-BBC “biddel kliemu” u jħabbar kawża ta’ biljuni ta’ dollari, filwaqt li l-korporazzjoni tammetti żball fl-editjar iżda tiċħad responsabbiltà legali

Il-President Amerikan Donald Trump qal li jinsab determinat li jiftaħ kawża kontra l-BBC wara li l-korporazzjoni ammettiet li edit ta’ diskors tiegħu  wassal għal impressjoni żbaljati. Waqt li kien fuq Air Force One il-Ġimgħa filgħaxija, Trump qal lill-ġurnalisti li qed jippjana kawża li tista’ tammonta għal somma bejn $1 biljun u $5 biljun, b’azzjoni legali mistennija “saħansitra l-ġimgħa d-dieħla”.

Il-kummenti tiegħu waslu ġurnata wara li l-BBC ħarġet apoloġija u qalet li l-edit tal-programm Panorama, li xxandar fl-2024, kien ħoloq b’mod mhux intenzjonat l-impressjoni li Trump kien għamel sejħa diretta għal azzjoni vjolenti. Minkejja dan, il-BBC sostniet li l-iżball ma jagħmilx lok għal kumpens finanzjarju.

Trump akkuża lill-korporazzjoni li “qarraq” bih u li biddel il-kliem li ħareġ minn fommu, u qal li għandu obbligu li jieħu passi legali biex jipprevjeni li każijiet bħal dawn jerġgħu jseħħu. Huwa ċaħad li semma dan mal-Prim Ministru Brittaniku Keir Starmer, iżda żvela li Starmer talab jitkellem miegħu u li se jċempel lill-prim ministru fi tmiem il-ġimgħa. Minkejja t-theddida legali, verifika tad-databases uffiċjali tal-qrati fi Florida turi li s’issa ma nfetħet ebda kawża.

F’intervista separata maħruġa s-Sibt,  Trump qal li l-edit kien “agħar mill-każ ta’ Kamala Harris”, meta kien akkuża lil CBS li manipulat intervista magħha fl-2024. Dak il-każ kien intemm b’soluzzjoni ta’ $16 miljun bejn Paramount Global u Trump.

Il-kontroversja dwar l-edit ta’ Panorama tirrigwarda kif tpoġġew flimkien żewġ partijiet separati tad-diskors ta’ Trump tas-6 ta’ Jannar 2021. Fil-verżjoni sħiħa, Trump qiegħed jinkoraġġixxi lis-segwaċi tiegħu biex imorru lejn il-Kapitolju biex “jifirħu lis-senaturi u r-rappreżentanti”. Aktar minn 50 minuta wara jgħid: “U niġġieldu.” Fil-verżjoni editjata, iż-żewġ dikjarazzjonijiet, li saru f’mumenti distinti, ġew preżentati bħala sentenza waħda kontinwa. L-iskandlu wassal għar-riżenji tad-direttur ġenerali tal-BBC Tim Davie u l-kap tal-aħbarijiet Deborah Turness.

Fil-paġna ta’ “Corrections and Clarifications”, il-BBC ammettiet li l-edit ħoloq b’mod żbaljat l-impressjoni li kienet qed turi sezzjoni waħda kontinwa tad-diskors, u li dan wassal għall-fehma li Trump kien għamel sejħa diretta għall-vjolenza. Kelliem għall-korporazzjoni kkonferma li l-avukati tagħhom kkuntattjaw lit-tim legali ta’ Trump, u li s-Segretarju Eżekuttiv tal-BBC Samir Shah bagħat ittra personali lill-White House biex jesprimi d-dispjaċir tiegħu.

Madankollu, fil-korrispondenza tagħha, il-BBC sostniet li ma teżisti l-ebda bażi għal kawża ta’ defamazzjoni. Hija argumentat li l-programm ma xxandarx fl-Istati Uniti u kien aċċessibbli biss fir-Renju Unit, u li l-edit kien sempliċement tentattiv biex jitqassar diskors twil, mingħajr ebda intenzjoni li jimmanipula. Qalet ukoll li Trump ma ġarrab l-ebda ħsara peress li reġa’ ġie elett, u li opinjonijiet politiċi u kwistjonijiet ta’ interess pubbliku huma protetti mil-liġi Amerikana.

L-apoloġija tal-BBC ġiet ftit sigħat wara żvelar minn Daily Telegraph li programm Newsnight fl-2022 kien uża edit simili, li kompla jżid mal-pressjoni fuq il-korporazzjoni.

More in Barranin