Minn relazzjoni ta' ħbiberija għal battibekk aħrax mimli tgħajjir u theddid, ir-relazzjoni bejn il-President tal-Amerka Donald Trump u l-imprenditur biljunarju Elon Musk sfaxxat fix-xejn.
Il-ġlied beda wara li Trump esprima d-diżappunt tiegħu bil-kritika ta' Musk ta' wieħed mill-abbozzi ewlenin tal-President. L-abbozz baġitarju ta' Trump ħa jżid l-infiq fid-difiża u jintroduċi xi miżuri ta' ħelsien mit-taxxa.
Musk irreaġixxa għall-abbozz fuq X billi qal li l-abbozz huwa "abominazzjoni diżgustanti" u li min ivvota għalih imissu jistħi. Dan għaliex, skont l-imprenditur, l-abbozz ħa jwassal biex iżid mad-dejn tal-Amerka.
Min-naħa tiegħu, Trump qal li kien "sorpriż ħafna" u "ddiżappuntat" bit-tmaqdir ta' Musk tal-abbozz. Il-President żied jgħid li "jien u Elon kellna relazzjoni tajba ħafna, ma nafx kemm se nibqgħu hekk imma".
Il-kummenti ta' Trump imbagħad wasslu biex Musk jirritalja u jakkuża lill-President bi "ingratitudni" il-għaliex, skontu, "mingħajri, Trump kien jitlifha l-elezzjoni".
Barra minn hekk, Musk ukoll spiċċa jallega li Trump kien imsemmi fil-każ ta' Jeffrey Epstein, il-miljunarju li kien jabbuża t-tfal fil-gżira privata ttiegħu, u għalhekk xejn ma ġie ppubblikat rigward il-każ.
Iżda jidher li hemm ħafna inċertezza issa madwar is-sitwazzjoni hekk kif Trump ipprova jimminimizza l-gravità tas-sitwazzjoni wara sigħat ta' insulti billi qal li kollox sejjer sew ħafna, skont kummenti li ta lis-sit tal-aħbarijiet Politico. L-istess sit qal ukoll li l-assistenti ta' Trump irranġaw biex ikun hemm telefonata bejn il-President u l-imprenditur.
Min-naħa tiegħu, Musk implika fuq is-sit X li jemmen li hemm bżonn li jitranġaw l-affarijiet bejnu u bejn il-President.