'Tilef moħħu għalkollox': Trump iċanfar lil Putin

Il-President tal-Amerka Donald Trump iċanfar lill-President tar-Russja Vladimir Putin dwar l-aħħar attakk li twettaq fuq l-Ukrajna, fejn b'kollox intbagħtu 355 dron u ġew sparati disa' missili • Trump jinsisti li Putin ġralu xi ħaġa

(Ritratt: arkivji)
(Ritratt: arkivji)

Wara l-ikbar attakk Russu fuq l-Ukrajna kemm ilha għaddejja l-gwerra, b'355 dron u disa' missili li ntbagħtu lejn l-Ukrajna, il-President tal-Amerka Donald Trump qed jgħid li l-President tar-Russja Vladimir Putin "tilef moħħu għalkollox".

"Dejjem kelli relazzjoni tajba ħafna ma' Vladimir Putin tar-Russja, imma ġralu xi ħaġa. Tilef moħħu GĦALKOLLOX! Qed joqtol ħafna nies bla bżonn, u m'iniex nitkellem dwar is-suldati biss. Missili u droni qed jiġu sparati fi bliet fl-Ukrajna għal xejn b'xejn", kiteb Trump fuq il-pjattaforma soċjali tiegħu, Truth Social.



F'kitba oħra fuq l-istess pjattaforma, Trump kiteb li "mhuwiex kuntent" bl-attakki fuq Kyiv mir-Russja, u talab lil Putin biex jieqaf minnufih, speċjalment minħabba l-fatt li, skontu, "qed imutu 5,000 suldat fil-ġimgħa."

Ir-riżultat tal-attakk mir-Russja tinkludi 12 mejta u għexieren midruba, apparti l-ħsara fuq l-infrastruttura u l-bini. U dan minkejja li l-Forzi Armati tal-Ukrajna rnexxielha tinterċetti 266 droni u 45 missila.

Min-naħa tagħha, ir-Russja qed tgħid li interċettiet 96 dron Ukren madwar 12-il reġjun fl-istess ħin, inklużi sitta fuq Moska.

Madankollu, Trump kellu wkoll kliem aħrax għall-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskyy, fejn qal, "mhu qed jagħmel l-ebda pjaċir lil pajjiżu bil-mod kif jitkellem.

"Kull ħaġa li toħroġ minn ħalqu toħloq il-problemi, u din ma togħġobnix, u jaqbillu jieqaf," tkompliet iċ-ċanfira ta' Trump dwar Zelenskyy.

More in Barranin