Imut Silvio Berlusconi fl-età ta' 86 sena

Kantant, kuntrattur, sid ta' tim tal-futbol u Prim Ministru... Titħabbar il-mewt ta' Berlusconi wara xhur jiġġieled mal-kanċer

L-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi miet fl-età ta' 86 sena fl-Isptar San Raffaele, ġewwa Milan. Fl-aħħar jiem Berlusconi kien jinsab rikoverat fl-isptar biex jagħmel xi testijiet. 

Dan irriżulta biss ftit ġimgħat wara li ġie rilaxxat mill-Isptar wara sitt ġimgħat jissielet kontra infezzjoni fil-pulmun, ikkawżata mill-lukimja. Berlusconi huwa missier ta' ħamest itfal, Maria Elvira u Pier Silvio - li twieldu mill-ewwel żwieġ tiegħu ma' Calra Elvira Lucia Dall'Oglio u Barbara, Eleonora u Luigi imwielda mit-tieni żwieġ tiegħu ma' Miriam Bartolini (psewdonimu ta' Veronica Lario). L-aħħar relazzjoni li kellu kienet ma' Marta Fascina, deputat ta' Forza Italia, hekk kif iżżewġu fl-2022. Fil-fatt aktar kmieni dalgħodu uliedu u membri oħra ta' familtu ntlemħu fi triqthom għall-Isptar biex jagħtu l-aħħar tislima lil Berlusconi.

Minn kantant, għal kuntrattur, għal Prim Ministru: Il-karriera ta' Berlusconi

Forsi mhux ħafna jafu illi Berlusconi, meta kien għadu żgħir kien esperimenta f'diversi industriji tax-xogħol. Berlusconi għamel xi żmien jaħdem bħala: Kantant fuq vapuri tal-kruċieri mal-ħabib tiegu Fedele Confalonieri, bejjiegħ tal-ixkupi tal-elettriku, aġent tal-proprjetà u eventwalment bena l-kumpanija tiegħu Cantieri Riuniti Milanesi, kumpanija tal-kostruzzjoni flimkien mal-bennej Pietro Canali. 

L-aktar ġenerazzjonijiet riċenti jiftakru lil Berlusconi l-aktar fl-industrija tal-midja, fil-futbol u fil-politika. Fl-1976, Berlusconi ħa taħt idej l-istazzjon Telemilano, illum magħruf bħala l-Canale 5. Aktar tard huwa espanda l-kumpanija tal-midja tiegħu billi xtara l-Italia 1, Rete 4 u r-Rai.

Għal dawk li huma midħla tal-futbol Taljan, jafu wkoll illi Berlusconi - minkejja l-interess li jixtri lit-tim Inter Milan, xtara lit-tim AC Milan fl-1986 u serva bħala President għal snin twal, eventwalment xtara lit-tim Monza. Fl-2021, Forbes iddikjaratu bħala s-sitt l-aktar raġel sinjur fl-Italja hekk kif kien stmat li kellu €7.3 biljun f'assi. 

Berlusconi kien Prim Ministru tal-Italja, erba' darbiet u l-interess fil-politka bdiet fl-1977 meta ta l-appoġġ tiegħu lil partit komunist fl-Italja. Filwaqt li ikkontesta uffiċjalment fil-politika fl-1993, sena wara huwa ħoloq il-partit 'Forza Italia'. Matul is-snin Berlusconi kien fiċ-ċentru ta' ħafna skandli speċjalment dawk marbuta ma' relazzjonijiet intimi u korruzzjoni. Tant hu hekk illi l-karriera politika tiegħu ġiet interotta fl-2014, meta nstab ħati ta' frodi. B'riżultat ta' dan huwa ngħata erba' snin priġunerija u ġie pprojbit milli jkollu karigi pubbliżi għal sentejn.

Iżda din ma waqfitux milli jerġa' jikkontesta l-elezzjonijiet Ewropej, fil-fatt fl-2019 huwa ġi elett Membru Ewro-Parlamentari. Dan filwaqt li fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali tal-25 ta' Settembru 2022 huwa reġa' rritorna fl-irwol tiegħu bħala senatur, disa' snin wara li tteħidlu t-tilu. 

'Isellimlu bħala ħabib kbir ta' pajjiżna'

Intant il-Kelliem għall-Affarjiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Beppe Fenech Adami sellem il-memorja ta' Berlusconi "bħala ħabib ta' pajjiżna li ħadem u stinka biex ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Italja jkomplu jissaħħu matul is-snin." Qal illi bħala politiku kien minn tal-ewwel li appoġġja lil pajjiżna fit-triq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea u anke wara billi baqa' persistenti fl-appoġġ tiegħu lejn pajjiżna. 

Fenech Adami fakkar ukoll illi huwa kien mexxa lill-Italja fi snin ta' taqlib politiku kbir. 

More in Barranin