Aġġornata | Truss tieħu post Boris Johnson bħala l-Prim Ministru tar-Renju Unit

Truss, li hi t-tielet Prim Ministru mara għall-Ingliżi, rebħet b'distakk ta' kważi 21,000 u b'maġġoranza ta' 57% 

Issa uffiċjali. Liz Truss se tkun is-suċċessur tal-Prim Ministru Boris Johnson. Dan hekk kif Truss kisbet 81,326 vot fl-elezzjoni li saret fil-Partit Konservattiv.

Id-distakk bejnha u Rishi Sunak kien ta' 21,000. Dan ifisser li kisbet 57% tal-voti. Sunak ġab 60,399 vot.

Fl-ewwel diskors tagħha, Truss irringrazzjat lil Johnson tal-ħidma tiegħu bħala Prim Ministru waqt iż-żmien tal-pandemija u waqt il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja. 

Intant Truss se tieħu l-ġurament bħala Prim Ministru għada wara li se żżur lir-Reġina Eliżabetta f'Balmoral.

Għall-ewwel darba f' 70 sena r-Reġina mhux se taħtar Prim Ministru fil-Palazz ta' Buckingham.

Truss se tkun il-15-il Prim Ministru taħt it-tmexxija tar-Reġina u t-tielet mara f'din il-kariga.

Intant aktar kmieni, is-surveys kollha kienu qed juru li Truss se tkun fit-tmexxija tat-Tories.

Fl-aħħar snin, Truss serviet bħala Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin, fost oħrajn u anke Ministru għall-Ugwaljanza.

More in Barranin