Aġġornata | Ir-Russja tgħid li lesta għan-negozjati filwaqt li s-Sirja u ċ-Ċina jagħtu l-appoġġ lil Putin

Matul il-lejl li għadda, il-kapitali Ukrena sfat vittma ta’ attakki bil-missili, bis-sireni jibdew isemmgħu leħinhom fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu

Putin u Bashaar Al Assad, President Sirjan
Putin u Bashaar Al Assad, President Sirjan

Ir-Russja lesta għal diskussjonijiet mal-Ukrajna tħabbar kmieni wara nofsinhar illum il-Ġimgħa mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov. Huwa qal li r-Russja lesta għan-negozjati sakemm l-Ukrajna jċedu l-armi. Kelliem għall-Kremlin ikkonferma dan u qal li r-Russi lesti jingħatu d-delegazzjoni fil-Kapitali tal-Belaruss, Minsk biex isisru dawn id-diskussjonijiet. 

Intant il-President Sirjan u d-dittatur Bashar Al-Assad ċempel lil Putin u offrielu l-appoġġ għall-azzjonijiet tiegħu fl-Ukrajna u l-missjoni tar-Russi li jgħidu illi qed issir biex persuni jipproteġu il-popolazzjoni tar-reġjun Donbas. 

"Dak li qed jiġri llum huwa korrezzjoni tal-istorja u restawr tal-bilanċ fl-ordni globali wara l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika," qal Assad

Anke ċ-Ċina offriet l-appoġġ tagħha permezz tal-President Xi Jinping wkoll.

IKTAR KMIENI: Matul il-lejl li għadda, komplew l-attakki mir-Russja fuq l-Ukrajna, b’uffiċjali Ukreni jisħqu li issa forzi Russi daħlu fil-Kapitali Kjiv.

Il-Ministru għad-Difiża Ukren qal li “l-għadu” issa jinsab fid-distrett ta’ Obolon, li jinsab madwar 9 kilometri biss ‘il bogħod mill-Parlament tal-Ukrajna.

L-appell tal-Ministru għad-Difiża huwa biex kulħadd jibqa’ d-dar u ma joħroġx fit-toroq.

Fil-fatt, matul il-lejl li għadda, il-kapitali Ukrena sfat vittma ta’ attakki bil-missili, bis-sireni jibdew isemmgħu leħinhom fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Is-Sindku tal-kapitali, Vitaly Klitschko, ippubblika ritratt ta’ bini residenzjali jaqbad hekk kif parti minn missila spiċċat fuqu. 

Attakk bil-missili kien irrapportat ukoll fil-belt ta’ Rivne fejn fil-mira prinċipali kien hemm l-ajruport.

Ilbieraħ ukoll, ir-Russi saħansitra ħatfu f’idhom lil Chernobyl, belt abbandunata li kienet tinkludi fiha l-impjant nukleari.

Il-mexxejja tal-Unjoni Ewroprea approvaw sett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja , bil-President Joe Biden ukoll iżid is-sanzjonijiet biex issa l-Istati Uniti qed tillimita l-abbilità tar-Russja li tagħmel in-negozju bid-dollari, l-ewro u l-lira u biex tkun parti mill-ekonomija globali.

Aqra aktar dwar dak li seħħ ilbieraħ u l-istorja dwar ir-relazzjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna billi tagħfas hawn.

More in Barranin