Każi rekord ta' Covid-19 fil-Ġermanja hekk kif 16-il miljun persuna ma tlaqqmux

Jirreġistraw 165 imwiet f’24 siegħa

Il-Ġermanja laħqet rekord ġdid tal-ogħla każi ta’ Covid-19, b’total ta’ 34,000 każi ġodda f’perjodu ta’ 24 siegħa. Din iċ-ċifra hi l-ogħla waħda li qatt ra dan il-pajjiż, tant li l-Ministru tas-Saħħa Ġermaniż Jehns Spahn, iddeskriva din is-sitwazzjoni bħala pandemija qalila li laqtet lil dawk mhux imlaqqma.

Minkejja dan, in-numru ta’ pazjenti li qed jingħataw kura intensiva fl-isptarijiet huma ferm inqas minn dawk ta’ żmien ir-rebbiegħa. Sa issa, fil-Ġermanja, 66% biss tlaqqmu kontra l-Covid-19, jiġifieri 16-il miljun ruħ ma tlaqqamx.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet li hemm iċ-ċans li jkun hemm madwar nofs miljun imwiet madwar l-Ewropa sa’ Frar 2022. Id-direttur reġjonali tal-WHO Hans Kluge saħaq li r-rilaxx tal-miżuri kienet il-kawża fiż-żieda tal-każi fir-reġjun Ewropew, li jkopri madwar 53 pajjiż inkluż l-Asja Ċentrali. S’issa, l-WHO irreġstrat 1.4 miljun f’imwiet madwar dan l-istess reġjun.

Il-kelliema għall-WHO Maria Van Kerkhove qalet li fl-aħħar erba’ ġimgħat, il-każi tal-Covid-19 madwar l-Ewropa għolew b’55%. Dan filwaqt li kollega ta’ Van Kerkhove, Mike Ryan qal li s-sitwazzjoni tal-Ewropa għandha sservi bħala twissija għal bqija tad-dinja.

Filwaqt li n-numri tal-Covid-19 fil-Ġermanja huma inqas minn dawk tar-Renju Unit, li jaraw aktar minn 37,000 każ ta' Covid-19 kuljum, uffiċjali tas-saħħa jinsabu mħassba li din l-imxija se twassal għal ħafna mwiet u pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa. Fl-aħħar 24 siegħa, fil-Ġermanja ġew irreġistrati 165 imwiet, ferm ogħla minn dawk ta’ ġimgħa ilu li rreġistraw 126 imwiet.

More in Barranin