Aġġornata | Il-President Taljan Mattarella jilqa' r-riżenja ta' Conte; Għada jibdew diskussjonijiet għal Gvern ġdid

Il-kriżi bdiet meta Matteo Renzi rtira mill-koalizzjoni wara li ma qabilx ma kif il-Gvern se jonfoq il-fondi li kiseb mill-fond tal-UE għall-irkupru mill-pandemija

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ppreżenta r-riżenja tiegħu lill-President Sergio Mattarella u dan wara li aktar kmieni llum informa lill-kabinett. Mattarella minnufih aċċetta r-riżenja ta' Conte wara laqgħa li damet biss ftit minuti.

Conte ħa din id-deċiżjoni ftit jiem biss wara li l-Gvern ta' koalizzjoni mmexxi minnu rebaħ żewġ voti ta' fiduċja fil-Parlament Taljan iżda tilef il-maġġoranza assoluta fis-Senat.

Fil-fatt, kien l-eks Prim Ministru Taljan Matteo Renzi li rtira mill-koalizzjoni wara li ma qabilx mal-bqija tal-Gvern fuq kif se jkunu qed jintefqu l-fondi li l-Gvern Taljan kiseb mill-fond tal-Unjoni Ewropea għall-irkupru mill-pandemija.

Intant, l-Uffiċċju tal-President Taljan qal li minn għada se jkun qed jibda diskussjonijiet mal-partiti kollha biex jara jekk hemmx ċans li tkun iffurmata koalizzjoni ġdida.

Luigi di Maio, mill-Movimento Cinque Stella u li preżentament huwa l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, qal li l-partit tiegħu se jibqa' jappoġġja lil Conte.

Insista li l-pajjiż bħalissa għaddej minn wieħed mill-agħar mumenti tiegħu minħabba l-pandemija u spiċċa fi kriżi minħabba "l-egoiżmu ta' xi ħadd," b'referenza għal Renzi.

"Issa għandna bżonn l-għaqda u għandna nduru madwar Giuseppe Conte," saħaq.

Il-President Taljan għandu wkoll il-poter li jagħżel lil xi ħadd ieħor, anke jekk preżentament mhuwiex fil-politika (bħalma kien ġara fil-każ ta' Conte) biex jifforma Gvern jew inkella jsejjaħ elezzjoni bikrija.

Silvio Berlusconi, li jmexxi l-partit Forza Italia, qal li għandu fiduċja li Mattarella se jieħu l-aqwa deċiżjoni. Rapporti fuq il-midja Taljana qed jisħqu li Forza Italia jista' jkun il-partit li jsalva l-Gvern ta' Conte.

Din mhijiex xi aħbar ġdida għall-Italja li drat bi gvernijiet fraġli. Mill-1946, l-Italja kellha 29 Prim Ministri u 66 Gvern.

Conte stess mexxa Gvern ta' koalizzjoni bejn il-Movimento Cinque Stelle u l-Lega bejn Ġunju 2018 u Settembru 2019 qabel ma fforma Gvern ġdid bejn il-Movimento Cinque Stelle, il-Partit Demokratiku u l-Italia Viva.

More in Barranin