Il-Covid-19 ikompli jinxtered fost dawk l-aktar viċin il-President Donald Trump

Konsulent u uffiċjal ogħli tal-militar issa wkoll pożittivi għall-virus

Il-Covid-19 qed ikompli jinxtered madwar il-White House, partikolarment fost dawk l-aktar viċin il-President Donald Trump hekk kif il-konsulent tiegħu Stephen Miller u anke uffiċjal ogħli fil-militar ukoll irriżultaw pożittivi għall-virus.

Miller kien ilu fi kwarantina għal dawn l-aħħar ħamest ijiem, minn meta rriżultaw pożittivi l-President u martu.

Fi kwarantina hemm ukoll diversi mexxejja militari.

Intant, il-kandidat Demokratiku għall-Presidenza tal-Istati Uniti, Joe Biden, insista li mhux se jaċċetta li jagħmel dibattitu ieħor kontra Trump jekk dan ikun għadu pożittiv għall-virus.

Id-dibattitu suppost se jsir fil-15 ta' Ottubru, bil-kelliem għall-Kampanja ta' Trump, Tim Murtaugh jisħaq li sa dakinhar, il-President se jkun b'saħħtu u se jkun jista' jattendi. 

Trump irritorna l-White House nhar it-Tnejn wara li għamel jumejn fi sptar fejn ingħata l-kura minħabba l-Covid-19.

Fil-fatt, Trump ingħata trattament li normalment jingħata lil pazjenti li jkunu f'kundizzjoni kritika minħabba qtugħ ta' nifs.

Huwa kien ikkritikat li mhux qed jagħti eżempju hekk kif meta kien l-isptar, minkejja li pożittiv, ħareġ fil-karozza biex isellem lil diversi persuni li nġabru quddiem l-isptar.

Meta rritorna l-White House, Trump deher ħiereġ mill-isptar u jimxi sal-karozza li kienet qed tistennih u meta wasal il-White House ħareġ f'waħda mill-gallarijiet u neħħa l-maskra biex isellem lill-midja.

F'messaġġ irrekordjat, Trump qal ukoll lill-Amerikani li ma għandhomx għaliex jibżgħu mill-virus.

More in Barranin