Franza tħabbar sett ta' miżuri restrittivi ġodda biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19

Fi bliet ewlenin ġemgħat ta' aktar minn 10 persuni issa huma illegali filwaqt li r-ristoranti u l-barijiet se jibdew jagħlqu fl-10pm

Il-Ministru għas-Saħħa Franċiż ħabbar miżuri ġodda restrittivi biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19 li anke fi Franza reġgħet għolliet rasha.

L-aktar miżuri restrittivi b’saħħithom se jkunu japplikaw għall-Marsilja u anke għall-gżira ta’ Guadeloupe fejn il-barijiet u r-ristoranti ġew ordnati jagħlqu min-nhar is-Sibt.

Il-Ministru Oliver Véran wissa li s-sitwazzjoni fil-pajjiż kollu “ddeterjorat ħafna.”

“Is-sitwazzjoni hija inkwetanti anke fl-isptarijiet fejn hemm aktar minn 6,000 persuna pożittiva għall-virus li tinsab rikoverata,” insista.

Fil-fatt, l-awtoritajiet Franċiżi qasmu l-mappa Franċiża f’kategoriji skont kemm hi qawwija l-imxija tal-virus u għal kull kategorija ġew introdotti miżuri restrittivi.

Restrizzjonijiet oħra se jkunu qed jaffettwaw bliet oħra kbar bħal Pariġiji, Lyon, Lille, Bordeaux, Toulouse u Nice.

Attivitajiet ippjanati ta’ aktar minn 1,000 persuna ma jistgħux isiru.

Apparti minn hekk, ġemgħat kemm fil-pubbliku u anke fil-privat ta’ aktar minn għaxar persuni, issa huma illegali.

Fl-istess bliet, il-barijiet u r-ristoranti se jibdew jagħlqu fl-10pm. Gyms u kumplessi sportivi se jkunu magħluqa għal kollox.

More in Barranin