Renju Unit | Pubs, barijiet u ristoranti kostretti jibdew jagħlqu fl-10pm

Din hija waħda mill-miżuri restrittivi mħabbra biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19

Pubs, barijiet, ristoranti u stabbilimenti oħra fl-Ingilterra se jkunu kostretti jagħlqu l-bibien tagħhom fl-10pm bħala parti minn sett ta’ restrizzjonijiet biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19.

Il-Ministru Michael Gove ħabbar li din il-miżura tidħol fis-seħħ min-nhar il-Ħamis filwaqt li appella biex min jista’, jerġa' jibda jew ikompli jaħdem mid-dar.

Il-miżuri kollha ġodda mistennija jitħabbru aktar tard fil-Parlament mill-Prim Ministru Boris Johnson.

Illejla wkoll, Johnson mistenni jagħti aktar dettalji waqt indirizz lin-nazzjon.

Ftit tal-jiem ilu, il-Gvern Ingliż ħabbar ukoll li ġemgħat ta’ aktar minn sitt persuni, kemm fuq barra u anke fuq ġewwa, inkluż fid-djar, mhux se jkunu permessi.

Il-konsulent xjentifiku tal-Gvern Ingliz, Sir Patrick Vallance wissa li jekk ir-Renju Unit mhux se jieħu l-passi meħtieġa, f’Ottubru jista’ jibda jkun hemm mal-50,000 każ ġdid kuljum ta’ Covid-19 u li jfisser mal-200 mewta kuljum min-nofs Novembru. 

More in Barranin