Numru rekord ta' każi ġodda ta' Covid-19 madwar id-dinja

Id-Direttur tal-WHO għall-Ewropa Hans Kluge wissa dwar żieda sostanzjali ta' infezzjonijiet ġodda fil-kontinent f'Ottubru u Novembru

Ilbieraħ, l-għadd ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 madwar id-dinja laħaq rekord ieħor hekk kif b’kollox kienu rrapportati 307,930 każ ġdid.

Ħabbret dan l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO) li spjegat ukoll kif ilbieraħ tilfu ħajjithom 5,500 persuna bil-virus, biex hekk, minn meta feġġet il-pandemija, il-Covid-19 ħataf il-ħajja ta’ 917,417-il persuna.

Ilbieraħ fl-Indja biss kienu rrapportati 94,372 każ ġdid, 45,523 każ fl-Istati Uniti u 43,718-il każ fil-Brażil.

Intant, uffiċjali tal-WHO wissew ukoll li l-Ewropa mistennija tara żieda sostanzjali fil-każi tal-Covid-19 fix-xahar ta’ Ottubru u Novembru.

“F’Ottubru s-sitwazzjoni se ssir aktar iebsa. F’Novembru nistennew li jiżdiedu l-imwiet,” saħaq id-Direttur tal-WHO għall-Ewropa Hans Kluge

Fil-fatt, fl-aħħar ġimgħat, diversi pajjiżi Ewropej esperjenzaw żieda sostanzjali fil-każi, partikolarment fi Spanja u Franza.

L-Iżrael jimponi mill-ġdid it-tieni lockdown

Intant, l-Iżrael sar l-ewwel pajjiż li se jkun qed jimponi t-tieni lockdown nazzjonali u dan hekk kif il-każi splodew f’salt fl-aħħar ġimgħat.

Għal dawn l-aħħar jiem, l-Iżrael kien qed jara madwar 4,000 każ ġdid kuljum.

Il-miżuri ġodda jidħlu fis-seħħ nhar il-Ġimgħa u għalissa se jkunu imposti għal tliet ġimgħat.

Mil-lum jidħlu fis-seħħ miżuri ġodda fir-Renju Unit

Mil-lum ukoll jidħlu fis-seħħ miżuri restrittivi fir-Renju Unit fejn persuni ma jistgħux jinġabru f’ġemgħat ta’ aktar minn sitta.

Fl-Ingilterra u l-Iskozja, din ir-restrizzjoni tgħodd kemm għall-ġemgħat fuq barra u anke dawk fuq ġewwa, filwaqt li f’Wales tapplika biss għal attivitajiet fuq ġewwa, inkluż fi djar privati.

Fl-Irlanda ta’ Fuq, sitt persuni minn żewġ familji differenti jistgħu jinġabru flimkien ġewwa, inkluż fi djar privati. Fuq barra, il-massimu ta’ persuni li jistgħu jinġabru flimkien huwa ta’ 15.

Il-Prim Ministru Boris Johnson insista li ġemgħat ta’ aktar minn sitt persuni huma illegali u min jinqabad fi gruppi akbar jista’ jeħel multa jew saħansitra jiġi arrestat.

Dan ma japplikax f’postijiet reliġjużi jew inkella għar-ristoranti fejn xorta waħda ma jistax ikun hemm gruppi ta’ aktar minn sitt persuni. Bejn grupp u ieħor trid tinżamm id-distanza soċjali.

More in Barranin