Putin jiddikjara li r-Russja 'rebħet il-ġirja' għall-vaċċin ... ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba

Minkejja li r-Russja ma ppubblikat l-ebda evidenza xjentifika u għad fadal ħafna mistoqsijiet dwaru, ir-Russja rreġistrat uffiċjalment il-vaċċin kontra l-Covid-19

Ir-Russja rreġistrat uffiċjalment vaċċin kontra l-Covid-19, liema vaċċin ġie żviluppat mill-Istitut Gamaleya f'Moska.

Dan ħabbru l-President Russu Vladimir Putin waqt konferenza tal-aħbarijiet, flimkien mal-ministri tiegħu, waqt li insista li dan il-vaċċin għadda mill-proċessi kollha neċessarji tal-ittestjar.

Putin qal li waħda minn uliedu diġà ħadet il-vaċċin. Qal li kellha ftit deni ftit wara l-injezzjoni iżda issa tħossha ħafna aħjar. Jidher li l-vaċċin qed jingħata lit-tobba u lill-infermiera wkoll. 

Madanakollu, dwar dan il-vaċċin hemm ħafna mistoqsijiet dwar kemm hu sigur u effettiv, anke għax hemm allegazzjonijiet li nqabżu passi kruċjali fl-iżvilupp tiegħu.

Sa issa, ir-Russja ma ppubblikat l-ebda data xjentifika dwar dan il-vaċċin.

Rapporti fuq midja internazzjonali qed jisħqu li hemm pressjoni qawwija mill-Kremlin biex ir-Russja tidher bħala forza xjentifika globali u dan qed ikompli jżid it-tħassib dwar dan il-vaċċin.

More in Barranin