Diversi pajjiżi Ewropej jibdew jerħu r-restrizzjonijiet; Franza żżid il-lockdown b'erba' ġimgħat

Id-Direttur Ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus wissa li jekk wieħed jerħi kmieni wisq ir-restrizzjonijiet jista’ jagħti l-każ li l-virus jerġa’ jgħolli rasu

Eluf ta’ ħwienet reġgħu fetħu l-bibien tagħhom fl-Awstrija hekk kif ftit ftit bdiet terħi r-restrizzjonijiet li ħadet biex tikkontrolla l-imxija tal-coronavirus bil-għan li r-rota tal-ekonomija terġa’ tibda ddur.

Minkejja dan, ir-regoli tad-distanza soċjali se jibqgħu fis-seħħ, bin-nies jibqgħu mħeġġa li jibqgħu d-dar kemm jista’ jkun.

Fl-Awstrija, il-popolazzjoni kollha hija ordnata tilbes il-maskri meta tmur tixtri mis-supermarkets u anke mill-ispiżeriji.

Ilbieraħ, Spanja, wkoll reġgħet tat il-permess lil numru ta’ negozji biex ikomplu bil-ħidma tagħhom filwaqt li d-Danimarka se tiftaħ mill-ġdid l-iskejjel għat-tfal żgħar.

Fl-Italja, l-aktar pajjiż miltuq fl-Ewropa, fejn mietu ‘l fuq minn 20,000 persuna, se tippermetti li mil-lum, xi kumpaniji jerġgħu jibdew joperaw.

Min-naħa tiegħu, il-President Franċiż Emmanuel Macron, estenda l-lockdown għal erba’ ġimgħat oħra, sal-11 ta’ Mejju.

Waqt indirizz lin-nazzjon, Macron saħaq li r-restrizzjonijiet imposti kkontrollaw l-imxija tal-Covid-19 iżda għadhom ma rebħux.

Min-naħa tagħha, l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa nnutat li ftit ftit l-għadd ta’ infezzjonijiet ġodda qed jonqos f’uħud mill-pajjiżi iżda wissiet kontra deċiżjonijiet mgħaġġla biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet kmieni wisq.

Fil-fatt, id-Direttur Ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus wissa li jekk wieħed jerħi kmieni wisq ir-restrizzjonijiet jista’ jagħti l-każ li l-virus jerġa’ jgħolli rasu.

More in Barranin