Coronavirus | Spanja u l-Italja joffru tama għall-bqija tal-Ewropa

Jonqsu l-każi ġodda u anke l-imwiet fiż-żewġ pajjiżi l-aktar milquta fl-Ewropa u fost l-aktar fid-dinja

Il-każi ġodda u l-imwiet kawża tal-coronavirus naqsu kemm fl-Italja u anke fi Spanja u dan qed joffri tama lill-kumplament tal-Ewropa li qed tissielet mal-imxija ta’ dan il-virus li waqqaf id-dinja.

Spanja u l-Italja huma t-tieni u t-tielet l-aktar pajjiżi milquta fid-dinja wara l-Istati Uniti u wara li fl-aħħar ġimgħat kienu qed jirrapportaw numru rekord ta’ każi ġodda u aktar xokkanti ta’ mwiet, li ġieli kienu joqorbu lejn l-1,000 mewta f’ġurnata, fl-aħħar jiem bdew jirrapportaw numru iżgħar, anke jekk għadhom ħafna.

Fil-fatt, ilbieraħ, fl-Italja ġew irrapportati 525 mewta f’24 siegħa, l-inqas numru ta’ mwiet fl-aħħar ġimgħatejn. Aktar minn 15,800 persuna tilfu ħajjithom fl-Italja, l-aktar fid-dinja.

Skont l-uffiċjali tas-saħħa, dawn in-numri qed juru li l-Italja qabżet il-quċċata tal-kurva tal-epidemija u ftit ftit il-każi bdew jonqsu u dan riżultat tal-miżuri li ttieħdu, inkluż il-lockdown li issa ilu ġimgħat.

Dan anke jekk il-Ministru tas-Saħħa wissa li s-sitwazzjoni għadha “drammatika” u li ġejjin “xhur diffiċli” għall-pajjiż.

Intant, fi Spanja, it-tieni l-aktar pajjiż milqut fid-dinja, in-numru ta’ każi ġodda reġa’ tbaxxa għat-tielet ġurnata konsekuttiva.

Ilbieraħ, skont il-Ministeru għas-Saħħa spanjol, 6,023 persuna rriżultaw pożittiv għall-Covid-19.

Anke jekk in-numri huma kbar, huma inqas minn kemm kienu qed ikunu rrapportati fl-aħħar ġimgħat. Is-Sibt, Spanja kellha 7,026 każ ġdid u l-Ġimgħa kellha 7,427 każ.

L-Imwiet ukoll naqsu. Ilbieraħ 674 persuna tilfu ħajjithom. Il-ġurnata ta’ qabel, fi Spanja, tilfu ħajjithom 809 persuni.

More in Barranin