Seduta rari fil-Parlament Ingliż biex ikun deċiż il-futur ta' Brexit

Il-Parlament Ingliż mistenni jiltaqa' nhar id-19 ta' Ottubru biex tittieħed deċiżjoni importanti dwar il-futur tar-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea

Nhar is-Sibt 19 ta’ Ottubru, il-Parlament Ingliż mistenni jiltaqa’ għal seduta speċjali u importanti li matulha se jkun diskuss il-futur ta’ Brexit.

Il-Membri Parlamentari se jkunu qed jiltaqgħu wara summit importanti tal-Unjoni Ewropea, li qed ikun meqjus bħala l-aħħar ċans għar-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea biex jilħqu ftehim qabel il-ġurnata li fiha għandu jseħħ Brexit, jiġifieri l-31 ta’ Ottubru.

Jekk jintlaħaq qbil, Boris Johnson mistenni jitlob lill-Parlament biex japprovah. Jekk il-ftehim jerġa’ ma jkunx approvat, it-toroq huma ħafna.

Dawn jistgħu jinkludu li r-Renju Unit iħalli l-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim jew inkella li Brexit ikollu jiġi sospiż. 

Biex din is-seduta speċjali ssir, id-Deputati jridu l-ewwel jaqblu fuq mozzjoni li għad trid tiġi ppreżentata.

Mill-1939, il-Parlament Ingliż tlaqqa’ s-Sibt erba’ darbiet, fosthom meta faqqgħet it-Tieni Gwerra.

Dakinhar stess li x’aktarx issir is-seduta, se tkun qed issir protesta kbira organizzata minn dawk li ma jridux li Brexit iseħħ.

Għal din il-protesta, li se tispiċċa ħdejn Westminister, mistennija jattendu eluf ta’ persuni.

More in Barranin