Conte jiltaqa' ma' Mattarella dalgħodu qabel jibda jifforma l-Gvern

Il-Partit Demokratiku u l-Movimento Cinque Stelle qablu fuq programm biex jifformaw flimkien Gvern ta' koalizzjoni

Il-President Taljan, Sergio Mattarella, sejjaħ laqgħa ma’ Giuseppe Conte bil-għan li jitolbu jifforma Gvern bejn il-Partit Demokratiku u l-Movimento Cinque Stelle.

Dan wara li lbieraħ filgħaxija tħabbar li ż-żewġ forzi politiċi qablu fuq programm u għalhekk se jkunu qed jifformaw Gvern bejniethom, li jkollu l-appoġġ tal-Parlament.

B’hekk ma twettqitx ix-xewqa ta’ Matteo Salvini li tissejjaħ Elezzjoni Ġenerali bit-tama li jirbaħ il-voti u jkollu biżżejjed siġġijiet biex jiggverna waħdu.

Is-Segretarju tal-Partit Demokratiku, Nicola Zingaretti saħaq li f’diskussjoni ma’ Mattarella infurmawh li qabdu li jifformaw Gvern mal-Movimento Cinque Stelle u anke li jaċċettaw li jerġa’ jkun Giuseppe Conte li jieħu l-kariga ta’ Prim Ministru.

Huwa saħaq li anke jekk Conte se jerġa’ jmexxi l-Gvern, ma jfissirx li dan se jkun qed ikompli fejn ħalla waqt li ddeskriva l-Gvern bħala wieħed ta’ bidla.

“Se jibda staġun ċivili, soċjali u politiku ġdid,” saħaq Zingaretti.

L-irwol ta’ Conte issa huwa li jagħżel il-Ministri u membri oħra tal-Kabinett miż-żewġ forzi politiċi.

Interessanti x’se jkun l-irwol il-ġdid ta’ Luigi di Maio, kap tal-Movimento Cinque Stelle

Jidher li tul it-taħdidiet, il-Partit Demokratiku ma qabilx li jerġa’ jkollu l-irwol ta’ Deputat Prim Ministru.

More in Barranin