Delia jirbaħ b'68% ... imma 32% xorta ivvutaw biex jitlaq

Adrian Delia jirbaħ elezzjoni interna b'aktar minn żewġ terzi tal-vot, iżda minoranza sinjifikanti tivvota biex jitlaq

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għadu kif rebaħ vot fil-Kunsill Ġenerali li tratta l-futur tiegħu u għalhekk l-ogħla organu tal-partit ikkonfermah bħala Kap sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. 

Mill-1,380 Kunsillier tal-PN li vvotaw (92%), 920 ivvutaw biex Delia jibqa' Kap. Dan ifisser 67.7% tal-voti validi.

Minn naħa l-oħra minoranza sinjifikanti ta' 32% tal-Kunsillieri, jew 432, ivvutaw biex Delia jitlaq u ssir elezzjoni ġdida għal Kap. 

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu l-eks President tal-Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut sostna li r-riżultat ta’ din il-votazzjoni "huwa riflessjoni tar-riżultat li kiseb il-Partit fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali u juri li parti sostanzjali mill-elettorat li s-soltu jivvota lill-Partit Nazzjonalista għad m’għandux fiduċja f’Adrian Delia."

Huwa appella lill-istess Delia biex jifhem li "għad hemm parti sostanzjali mill-Partit, u aktar importanti minn hekk mill-elettorat Malti u Għawdxi, li għad irid jikkonvinċihom, u jrid ikun hu li jwettaq it-tibdil u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jirbaħ il-fiduċja ta’ din il-faxxa kbira ta’ nies li mingħajrha ma nistgħu qatt naslu."

Ir-riżultat juri li parti sostanzjali mill-elettorat li s-soltu jivvota lill-Partit Nazzjonalista għad m’għandux fiduċja f’Adrian Delia Mark Anthony Sammut

Kien Adrian Delia stess li sejjaħ dan il-Kunsill Ġenerali wara li 'l fuq mnn 150 Kunsillier Nazzjonalista ffirmaw petizzjoni biex jitolbu li jissejjaħ Kunsill Ġenerali u jittieħed vot sigriet dwar Delia.

Intant, inġabru wkoll ħafna aktar firem minn kunsilliera u tesserati biex juri l-appoġġ tagħhom lil Adrian Delia.

Il-votazzjoni fetħet fl-10am u għalqet fis-6pm.

Delia jistieden lil dawk li vvutaw kontrih biex ikunu parti mir-riforma tal-PN

Intant fl-ewwel indirizz tiegħu Delia rringrazzja lill-Kunsilliera kollha għall-vot qawwi ta' parteċipazzjoni. Huwa qal li se jagħti l-attenzjoni kollha lil dawk li ma ħassewhomx komdi jivvutaw biex jibqa', biex "ma jibqgħux maġġoranzi u minoranzi fil-partit." 

Huwa qal illi bl-interess u l-impenn tal-Kunsilliera, l-PN qed joħroġ mis-sitwazzjoni diffiċli li jinsab fiha. 

nassigurakom illi m'iniex se ninterpreta dan ir-riżultat bħala wieħed li jfisser illi m'għandna nirranġaw xejn fil-partit Adrian Delia

"Irrid nassigurakom illi m'iniex se ninterpreta dan ir-riżultat bħala wieħed li jfisser illi m'għandna nirranġaw xejn fil-partit."

Huwa qal illi se jirrispetta lil dawk kollha li vvutaw biex ma jibqax Kap. "Nistedinkom wieħed, wieħed," indirizzahom,"biex ikollkom fiduċja fil-partit u kunu intom ukoll minn ta' quddiem fir-riforma tal-partit."

"Kunu parti mill-bidla, kunu parti mill-bidla miegħi," temm jgħid Delia għaċ-ċapċip tal-miġemgħa preżenti. 

Delia tkellem dalgħodu, wara diskors minn Justin Schembri u Ivan Bartolo.

More in Politika