'Inaċċettabbli li l-PN ikun imfixkel minn dawk il-ftit li mhux jaċċettaw il-vot tat-tesserati'

Schembri jisħaq li l-PN ma jistax isalva d-demokrazija fih jekk ma jirrispettax li l-PN għandu kap wieħed biss

Justin Schembri jindirizza l-Kunsill Ġenerali
Justin Schembri jindirizza l-Kunsill Ġenerali

Il-kunsillier żagħżugħ Justin Schembri saħaq li huwa inaċċettabbli li l-Partit Nazzjonalista jkun imixkel minn dawk il-ftit li mhux jaċċettaw il-vot demokratiku tat-tesserati.

Schembri qal dan waqt diskors fil-ftuħ ta’ Kunsill Ġenerali Straordinarju li fih il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista qed jivvutaw dwar il-futur ta’ Adrian Delia.

Il-qofol tad-diskors ta’ Schembri kien ir-rispett lejn id-demokrazija. “Ma nistax ikun qed niddefendi s-saltna tad-dritt u ma niddefendix l-għażla tat-tesserati,” saħaq Schembri.

Żied jgħid li llum il-kunsilliera qed ikunu msejħa mhux biex jiddefendu lil Adrian Delia iżda lill-arma li fi kliemu, “quddiemha kulħadd irid ibaxxi rasu.”

Schembri ma tantx dar mal-lewża. “Il-Partit Nazzjonalista jinsab mifrud bejn żewġ fazzjonijiet,” qal bla tlaqliq.

Insista li l-Partit li dejjem ħadem biex jiddefendi d-demokrazija, iżda llum mhux qed iħabbat l-ideat u mhux qed jaqsam l-opinjonijiet.

“Minflok qed nattakkaw lill-personalitajiet,” qal Schembri għaċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.

Ma nistgħu qatt insalvaw id-demokrazija tal-PN jekk qabel ma nirrispettawx li l-PN għandu kap wieħed biss

Filwaqt li saħaq li kulħadd fil-Partit Nazzjonalista jemmen u jgħożż id-demokrazija, allura tenna li l-vot tal-lum ma għandux għalfejn ma jirrispettax il-vot demokratiku li bih intgħażel Adrian Delia.

Kien hawn li Schembri saħaq li kulħadd, mhux il-Kap Nazzjonalista biss, irid jerfa’ responsabbilità għall-aħħar riżultat elettorali li kiseb il-Partit Nazzjonalista.

“Għalfejn ħallejna lill-PN imur għall-elezzjoni b’diviżjoni interna? Irridu li tliet snin oħra mmorru għal elezzjoni ġenerali b’nofs partit?” saħaq Schembri.

“Min verament jemmen fid-demokratija tal-partit ta’ Ġorġ Borg Olivier, ta’ Eddie Fenech Adami, ta’ Lawrence Gonzi u ta’ Simon Busuttil għandu jivvota iva,” saħaq il-kunsillier. “Ma nistgħu qatt insalvaw id-demokrazija tal-PN jekk qabel ma nirrispettawx li l-PN għandu kap wieħed biss."

Fil-fatt, lejn tmiem id-diskors tiegħu, Schembri rringrazzja politiċi bħal Guido de Marco, Mario de Marco, Louis Galea u oħrajn li minkejja li kienu fost il-favoriti li jmexxu l-Partit Nazzjonalista, dejjem irrispettaw u ħadmu ma' kull min kien kap.

Kien għalhekk li temm jisħaq li l-vot tal-lum għandu jkun risposta favur id-demokrazija u kontra l-egoiżmu u dawk li hu sejħilhom 'egos kbar.'

Aqra hawn x'qal ftit wara Ivan Bartolo.

More in Politika