Apparti li għadha studenta, Shauna tlaħħaq mal-kant, il-volleyball u l-qari.

5 minuti ma’ Shauna Vassallo

Kantanta li għad narawha żgur tibrilla f’pajjiżna. Shauna Vassallo, sa minn età żgħira qed tispikka barra minn xtutna fosthom f’Io Canto u f’Una Stella sta Nascendo. Apparti li għadha studenta, Shauna tlaħħaq mal-kant, il-volleyball u l-qari.

Minn fejn bdiet il-ħajra tiegħek għall-kant?

Din hija storja ħelwa, għaliex niftakar li darba morna btala ġewwa lukanda mal-familja, u spiċċajt inkanta fil-karaoke. Minn hemmhekk imbagħad iddeċidejt li għandi nibda nkanta, u nieħu l-lezzjonijiet.

Għandek xi ħadd fil-familja li ħajrek għal dan?

Le, sfortunatament jew fortunatament, minn fejn tħares lejha, jiena biss l-unika waħda.

Minn kemm ilek tkanta?

Din hija l-ħames sena tiegħi nkanta, għaliex bdejt inkanta ta' 10 snin.

Kif wasalt għal Io Canto?

L-ewwel prova li kelli kienet seħħet ġewwa l-Italja, fejn hemmhekk għaddejt għat-tieni fażi. Minn hemmhekk imbagħad niżlu Malta sabiex jarawni wkoll fl-ambjent lokali, u għaddejt għall-aħħar prova quddiem Roberto Cenci ġewwa Ruma, l-Italja.

X’ħolm għandek għall-karriera tal-kant tiegħek?

Għandi diversi ħolm li kieku nixtieq inwettaq imma bħalissa qiegħed iberren l-X Factor, għaliex jagħti l-artist ħafna opportunitajiet differenti.

X’inhu l-istil tal-kant tiegħek? U kif għażilt dan l-istil?

NIftakar li meta bdejt inkanta, kont nagħmel diversi diski ta' Celine Dion minħabba li l-festivals lokali jkunu qegħdin jistennew vuċi soda. Però llum il-ġurnata nippreferi s-soul għaliex għandu stil għalih. Jien naħseb li għalkemm kantant ikollu l-istil tiegħu xorta waħda għandu jkanta kollox.

X’tagħmel f’ħajtek barra l-kant?

Għandi ammirazzjoni kbira lejn l-isports u nipprattika l-volleyball, imma apparti minn hekk, inħobb naqra ħafna l-kotba tal-awtriċi Ellen Hopkins.

Suġġett favorit l-iskola?

Din faċli, għandi tnejn, l-Ingliż u l-Bioloġija.

Tixtieq li la tikber tgħix bħala kantanta u ma jkollokx għalfejn tagħmel xogħol ieħor? Jew trid li żżomm l-kant bħala passatemp?

Fil-verità naħseb kulħadd li qiegħed fil-qasam tal-kant jixtieq li jkompli li l-karriera tiegħu iżda wieħed irid ikun realistiku u jirrealizza li diffiċli. Qiegħda nħares lejn żewġ karrieri, jew ta' tabiba tal-annimali, jew inkella fil-qasam tal-kriminiloġija.

X’taħseb fuq il-Junior Eurovision?

Il-Junior Eurovision Song Contest huwa esperjenza ta' barra minn hawn, iżda ġeneralment jingħataw l-opportunità dawk li jidhru żgħar u mhux dawk bħali li jidhru kbar.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-Eurovision tal-kbar? Temmen li għad nirbħuh xi darba?

Jiena nemmen li l-Eurovision Song Contest tal-adulti jiftaħ ħafna orrizonti u jekk tħaddem l-opportunitajiet tiegħek sew, timxi 'l quddiem. Ma tistax tgħid x'se jiġri, iżda 'if you believe, you will achieve'.

Min huma l-kantanti favoriti tiegħek f’Malta u barra?

Ġewwa Malta, il-kantanti favoriti tiegħi huma żgur Ira Losco u Amber, filwaqt li mix-xena internazzjonali għandi diversi fosthom; Ed Sheeran, Birdy, Jessie J, Sam Smith u Sia.

Min hu/hi l-idolu tiegħek?

Apparti ommi, li dejjem miegħi tul kull vjaġġ ta' ħajti, naħseb Sia u Jessie J.

Iddeskrivi fi ftit kliem l-esperjenza tiegħek f’Io Canto?

Din hija esperjenza li mhu se ninsa qatt, għaliex apparti li tagħmel ħbieb ġodda, ikollok l-opportunità li tkanta fuq dak il-palk stupend, ma’ nies famużi. In-nies fl-udjenza kienu jqumu bilwieqfa wara kull prestazzjoni u meta niftakar fiha, jibda nieżel dmugħ ta' ferħ.

Iddeskrivi fi ftit kliem l-esperjenza waqt Una Stella Sta Nascendo?

Kienet esperjenza pożittiva wkoll għaliex ingħatajt diversi kummenti pożittivi tant li l-marki kienu jirriflettu. Però xejn ma jista' jikkompara mal-esperjenza ta' 'Io Canto'.

Xi tgħidilna fuq is-single li qed tipprepara bħalissa?

Qiegħda naħdem fuq id-debutt tiegħi bħala solista, flimkien mat-tim tiegħi li jinkludi lil Gillian Attard u Matthew Mercieca minn La Voix Academy, Marc Calleja Bayliss minn Ironic PR & Artist Management kif ukoll il-kittieba tal-kanzunetta, Rikki Lee u Vandroo & Luca. Iġri tkun lesta, għaliex għandha ħoss modern, sabiħ u tal-widna.

More in Hames Minuti