Robert Aquilina: ​‘Il-Prim Ministru jaf li l-verità hija ferm iktar kerha minn kemm ħsibna’

Robert Aquilina, f’intervista mal-ILLUM iwieġeb għall-allegazzjonijiet miġjuba kontrih mill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru Robert Abela. Jiċħad li jaf x’fiha l-inkjesta, iżda jgħid li jaf x’evidenzi daħlu kontra Muscat, u bħalissa l-verità tinsab fi 78 kaxxa. 

WASALTU S’HAWN, IMMA L-KAMPANJA TAGĦKOM TKOMPLI? 

Bla dubju. Se tkompli u kif. Għad baqa’ ħafna xi jsir, għad baqa’ ħafna nies x’nikkonvinċu, għad hemm battalji x’jiġu miġġielda fil-qrati, għad hemm veritajiet mistura li jeħtieġ jinkixfu u fuq kollox għad għandna pajjiż xi nsalvaw. Kif ħabbart f’Marzu, il-ħidma tiegħi issa hija ffukata fuq il-kawżi u l-inkjesti li għandna pendenti fil-qrati tagħna, fosthom dik dwar is-serqa tat-tliet sptarijiet li ġiet konkluża l-ġimgħa l-oħra. 

KIF TIRRISPONDI GĦALL-PARTIT LABURISTA LI L-INKJESTA HI BISS “TERRORIŻMU POLITIKU”? 

Att ta’ terroriżmu huwa dak li ġara fis-16 ta’ Ottubru 2017 meta splodew lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Terroriżmu politiku huwa meta jkollok Prim Ministru u Gvern sħiħ li joħolqu l-ambjent li fih setgħet tinqatel ġurnalista, kif ikkonkludiet l-inkjesta pubblika. 
L-inkjesta li qed nitkellmu fuqha – dwar is-serqa ta’ tliet sptarijiet – hija eżerċizzju li sar biex tinstab il-verità u biex issir ġustizzja mal-poplu Malti u Għawdxi. Bħalissa din il-verità tinsab fi 78 kaxxa. Il-kontenut ta’ dawn il-kaxxi lili u lilek ma jbeżżgħuniex. Huma l-kriminali, il-korrotti u dawk li għenuhom jisirqu lill-poplu tagħna li huma terrorizzati mill-provi li hemm f’dawn il-kaxxi. 

Li l-Partit Laburista jgħid li jħossu terrorizzat tirrifletti ħażin ħafna fuqu. 

KONXJU LI Ż-ŻMIEN TAL-KONKLUŻJONI TAL-INKJESTA MHUX JGĦIN? 

L-ebda żmien mhu tajjeb għall-kriminali biex toħroġ il-verità. Għall-kriminali, l-ebda żmien mhu tajjeb biex tibda ssir ġustizzja. Il-fatt li l-Prim Ministru ilu xhur jgħid li din l-inkjesta se tagħmel ħsara lill-partit tiegħu, mhix għajr ammissjoni li l-Prim Ministru jaf, bħalma nafu aħna, li sar tgħaffiġ kbir u li twettqu atti kriminali mill-predeċessur tiegħu flimkien m’oħrajn. 

Id-dmir tal-Prim Ministru lejn il-poplu tagħna mhuwiex li jaħbi l-verità u li jipproteġi lill-kriminali li ffrodawh, anke meta dawn ikun jisimhom Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u l-bqija. Id-dmir tal-Prim Ministru huwa eżattament l-oppost. Il-Prim Ministru għandu jipproteġi liċ-ċittadini onesti, lill-Maġistrati u lill-organi tal-Istat li jaqdu dmirhom b’lealtà lejn il-poplu u lejn il-ġurament li ħadu.  

Il-fatt li l-Prim Ministru ilu xhur jgħid li ma jridx li l-verità toħroġ qabel nivvotaw għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali, lili jgħidli biss li l-Prim Ministru jaf li l-verità hija ferm iktar kerha minn kemm ħsibna. Huwa skandaluż li l-Prim Ministru jimmina b’dan il-mod il-proċess tal-ġustizzja biex il-poplu jibqa’ fl-għama u hu jibqa’ fuq is-siġġu tal-poter. 

JOSEPH MUSCAT JIBQA’ JINSISTI LI L-INKJESTA HI VENDETTA KONTRIH. SKONTU L-NGO DIĠÀ JAFU X’FIHA L-KONKLUŻJONI TAL-INKJESTA, FOST AFFARIJIET OĦRA, BĦALMA KONTU TAFU LI SE JSIR RAID FIR-RESIDENZA TIEGĦU. VERA TAF X’FIHA L-KONKLUŻJONI?  

Jiena nista’ ngħidlek li assolutament ma nafx xi kkonkludiet l-inkjesta. Però naf xi provi ħadna aħna lill-Maġistrat. Naf x’għednielha tinvestiga aktar fil-fond bil-poteri li tagħtiha l-liġi. Naf x’għaddejt lill-pulizija meta rrapportajt lil Joseph Muscat. Infakkar li dan kollu m’għamiltux bil-moħbi u sejjaħt lilkom il-ġurnalisti biex dak li kont qed nagħmel nagħmlu quddiem kulħadd. 

Mhux vera, lanqas li kont naf minn qabel li kien se jsir raid fid-dar ta’ Muscat. Sirt naf li kien sar ir-raid wara li r-raid kien spiċċa. Waqt ir-raid li sar f’Burmarrad, jien kont is-Siġġiewi u quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana.  

Dan id-diskors ta’ Muscat mhux għajr l-aħħar tentattiv iddisprat tiegħu biex mingħalih jevita l-ġustizzja. 

IL-PRIM MINISTRU, U ANKE JOSEPH MUSCAT JGĦIDU LI L-ESTABLISHMENT QED JAGĦMEL MINN KOLLOX BIEX JINDAĦAL POLITIKAMENT LILL-ĠUDIKATURA. FIL-FATT, IL-PRIM MINISTRU QAL LI HU QATT MA PROVA JIMMINA L-ĠUDIKATURA, DAQSKEMM QED TIMMINA LILHA NNIFISHA BIT-TIMING TAL-KONKLUŻJONI. X’INHI L-OPINJONI TIEGĦEK DWAR DAN KOLLU? 

Il-fatt li l-Prim Ministru u l-Prim Korrott qed idoqqu l-istess kanzunetta ma tantx jirrifletti tajjeb fuq il-Prim Ministru. Qisu l-Prim Ministru nesa li hu Prim Ministru biss għax aħna – il-poplu Malti u Għawdxi – inżilna fit-toroq u bqajna fit-toroq sakemm Joseph Muscat ħareġ b’diżunur minn Kastilja. Infakkar li l-vakanza ta’ Prim Ministru nfetħet għal Robert Abela wara li l-predeċessur tiegħu ntgħażel bħala l-iktar politiku korrott tas-sena fid-dinja kollha. 

It-timing tal-għeluq ta’ din l-inkjesta kien ikun perfett għall-Prim Ministru kieku l-predeċessur tiegħu mexxa u mexa b’mod onest. Iżda lkoll nafu li dan mhux il-każ. Ilkoll nafu li dawn serqu lill-poplu Malti, serqu lill-pazjenti, lill-morda Maltin u Għawdxin. 

Huwa tassew ta’ għajb għall-Prim Ministru li qed idawwar il-kanuni fuq min qed jaħdem fl-interess tal-poplu u mhux tal-kriminali korrotti. Agħar minn hekk, din hija mġiba ferm perikoluża għad-demokrazija u għall-istat ta’ dritt f’pajjiżna. 

IL-KONKLUŻJONI TAL-INKJESTA, FEJN TISTA’ TWASSAL?  

Jiena nittama li l-inkjesta twassal biex il-poplu jsir jaf il-verità, il-verità kollha u li finalment issir ġustizzja. Nagħmilha ċara li aħna dan biss irridu: ġustizzja. Ma rridu lil ħadd li m’għamel xejn jiġi akkużat fil-Qorti u jeħel il-ħabs. Irridu biss li kulħadd jieħu li ħaqqu skont il-liġi. 

Inqis li jekk dan iseħħ – kif għandi fiduċja li se jiġri – pajjiżna jkun beda t-triq għall-fejqan. 

IL-KAWŻA TA’ REPUBBLIKA TISTA’ TGĦID KELLHA SUĊĊESSI KBAR, IŻDA L-ISTESS SUĊĊESS MA SARRAFX F’APPOĠĠ ELETTORALI LILL-PARTIT NAZZJONALISTA. X’TAĦSEB DWAR DAN? 

L-appoġġ elettorali għall-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem għalih il-Partit Nazzjonalista. Qatt ma kien l-iskop tagħna, u qatt mhu se jkun l-iskop tagħna, li ngħinu lil xi partit jew ieħor iżid l-appoġġ elettorali tiegħu. Dak mhuwiex ir-rwol tagħna. 

MA TAĦSIBX LI L-GĦAN AĦĦARI KELLU JKUN LI L-PN JIDHER BĦALA GVERN ALTERNATTIV? JEW DAN MA KIENX GĦAN LI REPUBBLIKA ĦADMET GĦALIH? 

Nerġa’ ngħidlek, x’jagħmel il-Partit Nazzjonalista huwa affari biss tal-Partit Nazzjonalista u mhux tagħna. 

L-għan tagħna lħaqnieh meta niżżilna lil Joseph Muscat u lil sħabu mill-poter. Għal dak ħdimna fl-2019. Minn dakinhar, komplejna naħdmu fuq l-inkjesti li tlabna u li ksibna minkejja li l-Gvern Laburista assolutament ma riedx li jsiru. Issa li ngħalqet waħda minn dawn l-inkjesti qed nittama li dalwaqt nilħqu għan ieħor: li tibda ssir ġustizzja. 

TAĦSEB LI L-PREŻENZA TAL-AVUKAT JASON AZZOPARDI, BĦALA L-AVUKAT LEGALI TAGĦKOM, KOMPLIET TĦARRAX IL-LABURISTI KONTRA L-KAWŻA, ĠUSTA KEMM HI ĠUSTA? 

Lil-Laburisti jħarraxhom il-Partit Laburista bil-kampanji moqżieża tiegħu. Biżżejjed infakkar fil-kampanja oxxena li l-Partit Laburista għamel fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia. Mhu se nħallu lil ħadd jinsa kif il-Partit Laburista matul is-snin pinġa lil Daphne bħala “saħħara” u bħala għadu ta’ kull Laburist u wara, għadu tal-Istat. 

Il-Partit Laburista issa qed iħarrax lill-partitarji tiegħu kontrija, kontra Jason Azzopardi, kontra Repubblika u kontra oħrajn li waqafnielu. Il-Partit Laburista ma jinteressahx jekk il-kawża hix ġusta jew le. Jinteressah biss li jkompli jipproteġi lil Muscat u lill-kriminali l-oħra sħabu u lest ikompli jabbuża mill-fiduċja għamja tal-partitarji l-iktar akkaniti tiegħu biex jilħaq dan l-iskop. 

KEMM-IL DARBA DDIKJARAJT LI MHUX SE TIDĦOL FIL-POLITIKA. ISSA LI M’GĦADEKX PRESIDENT TA’ REPUBBLIKA, GĦADEK TGĦID L-ISTESS? 

Dak li għamilt jien f’Repubblika u dak li tagħmel Repubblika ċertament huwa impenn politiku. Il-ġlieda tagħna għall-verità u għall-ġustizzja u l-ġlieda tagħna għal pajjiżna biex jirrenja s-sewwa u mhux il-kriminali korrotti hija ġlieda politika. 

Allura l-mistoqsija tiegħek qed nifhimha jekk iniex beħsiebni nikkontesta xi elezzjoni jew ninvolvi ruħi f’xi partit. Jiena bħalissa ffukat biex inwassal il-kawżi li fdatli f’idejja Repubblika sal-aħħar. Dan hu l-uniku kontribut politiku li għandi ppjanat għaż-żmien li ġej. Xejn iktar u xejn inqas. 

Madankollu, jiena konxju li pajjiżna jeħtieġ soluzzjoni politika. Neħtieġu nies integri fil-partiti tagħna li jpoġġu l-interess taċ-ċittadini l-ewwel u qabel kollox. Jiena nħeġġeġ lil min għandu dawn is-sentimenti biex jersaq ’il quddiem. 

KIEKU KELLEK TOĦROĠ, KONT TOĦROĠ MAL-PARTIT NAZZJONALISTA? 

Kif għedtlek, bħalissa m’għandi ħsieb noħroġ ma’ ħadd. Għandi rwol importanti ħafna x’naqdi u se naqdih sal-aħħar. X’se jiġri fil-futur ma nafx, iżda naf li llum post il-Partit Laburista żgur mhuwiex fil-Gvern u li l-Partit Nazzjonalista huwa l-ikbar partit tal-oppożizzjoni. 

More in Intervisti