Marija Sara Vella Gafà : ‘Nemmen li sondaġġ hu ritratt tal-mument, nemmen li mhuwiex ir-realtà’

Bl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew dejjem toqrob, il-ġurnalista Marianna Calleja tpoġġi mal-kandidata tal-Partit Laburista, u s-Sindku tal-Gudja, Marija Sara Vella Gafà 

X’ħajrek eżattament tidħol fil-politika, u eventwalment issir is-Sindku tal-lokalità tal-Gudja? 

Jiena kont waħda milli kont nagħti kontribut fil-komunità tar-raħal, kont involuta maż-żgħażagħ dak iż-żmien tar-raħal, u meta rajt li kelli fejn nagħti sehmi fil-lokalità, għażilt li nagħmel dan il-pass ’il quddiem permezz tal-kunsill lokali. 

Kont ambizzjuża biex ngħidu hekk. Ta’ 24 sena kont sindku. Kien xokk għax ħriġt l-ewwel darba għall-Kunsill u tlajt mal-ewwel sindku. L-ewwel darba li kien hemm mara fil-kariga ta’ sindku fir-raħal tiegħi, u wara li s-sindku ta’ qabli kien ilu hemm kważi 24 sena.  

Allura kienet daqshekk ta’ sfida, imma nemmen li għamilna proġetti kbar u importanti ħafna għal raħalna. Fadal żgur xi jsir imma kuntenta bil-legat li se nħalli warajja. 

Għal żmien twil inti kont l-unika kandidata mara f’isem il-Partit Laburista. In-nuqqas ta’ nisa fil-politika però mhux sfida għall-PL biss. X’taħseb li qed iwassal għal dan in-nuqqas? 

Jiena nemmen ħafna fil-parteċipazzjoni tal-mara fil-politika. Nimbotta kemm jista’ jkun il-parteċipazzjoni femminili. Inħeġġeġ ħafna nisa jinvolvu ruħhom f’kull saff tal-politika, anke fejn jidħol il-PL. 

Il-PL dejjem nemmen li emmen fil-kapaċitajiet tan-nisa, kemm bil-karigi diversi fl-istrutturi tal-partit, iżda wkoll meta ddaħħlu l-kwoti fil-parlament Malti. 

Nemmen li għandna nħarsu lejn iktar flessibilità fejn jidħol il-parlament Malti. Ġieli rajna ġenituri jieħdu t-tfal tagħhom il-parlament ... imma għandu jkollna parlament li jkollu child care u ħinijiet aħjar għax l-istess ħinijiet tal-parlament huma l-ħinijiet li l-ġenituri huma mistennija li jkunu d-dar ma’ wliedhom.   

L-opinjoni tiegħek, minkejja li hi voċifera, mhux dejjem hi popolari. Din il-ġimgħa rajna kif ktibt dwar bilanċ bejn l-ambjent u d-delizzju. Ktibt ftit ġimgħat ilu wkoll fuq il-banek. Ma tibżax li se titlef il-popolarità jew il-voti?   

Jien nemmen li qiegħda hawn biex inservi u mhux biex inservi minn lenti popolista. Fl-islogan tiegħi ngħid ‘Leħnek fl-Ewropa’, u qed inressaq dawn l-argumenti għax huma l-argumenti li qed nisma’ fit-triq min-nies. 

Eżempju, irid ikun hemm il-bilanċ bejn l-ambjentalisti u dak li jkun, meta dan qiegħed fil-privatezza tiegħu, fl-għelieqi tiegħu. 

Jiena favur li nħarsu l-ambjent mija fil-mija, favur ix-xogħol li qed jagħmlu r-rangers u l-NGOs kollha imma ovvjament wieħed irid jifhem li meta inti qiegħed fi propjetà li jista’ jkun hi privata, jiena ukoll għandi d-drittijiet tiegħi.  

Jiena li kont qed ngħid dalgħodu hu li importanti jintlaħaq bilanċ tajjeb għal kulħadd. 

Rigward il-banek, nemmen li l-banek tagħna sfortunatament fihom ħafna burokrazija żejda; burokrazija biex tiftaħ kont tal-bank, burokrazija biex tiddepożita flus, u kważi kważi anke biex tiġbed flusek. Ħafna drabi aħna l-Maltin infaddlu għax hekk tgħallimna, però sfortunatament l-interessi jkunu baxxi ħafna min-naħa tal-bank. 

Il-banek iridu jiftakru li aħna klijenti tagħhom u allura hemm fejn jiena nixtieq li jifhmu, li anke jekk hemm regolamenti, ċerti proċeduri, m’hemmx għalfejn ikunu esiġenti żżejjed, aktar minn dawk l-istess regolamenti sabiex iħossuhom protetti. 

F’Jannar li għadda, flimkien mal-kandidat Daniel Attard, ħadt azzjoni legali kontra l-PN, u wara tlabtu li jiġi investigat il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. X’ġara eżatt? 

Il-liġi tal-finanzjament tal-partiti titlob li kull partit politiku jdaħħal mal-Kummissjoni Elettorali l-kontijiet tiegħu kull sena, tas-sena preċedenti. Irridu ngħidu li l-PN għall-aħħar sentejn dan m’għamlux u lanqas daħħal l-istatement tad-donazzjonijiet.   

Dan wassal biex aħna ktibna lill-Kummissjoni Elettorali biex tieħu azzjoni, iżda tgħallimna li l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma weġibx għall-ittri tal-Kummissjoni. 

Madankollu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li daħlu dawn, u saħansitra gideb li dawn il-kontijiet iddaħħlu fis-sistema. Però dan mhux minnu. Wieħed jista’ jiċċekkja u jivverifika dan kollu minn fuq is-sit tal-Kummissjoni stess. 

X’ipokrezija! Dawn iridu jmexxu lil Malta! Jgħidulek li daħlu l-affarijiet, imma tidħol tiċċekkja u tara li xejn mhu vera. 

Taħseb li wasal iż-żmien li l-liġi tal-iffinanzjar tal-partiti tiġi aġġornata?   

Jista’ jkun li hemm bżonn inħarsu lejha minn diversi lentijiet differenti, voldieri mhux qed nirreferi biss għad-donazzjonijiet. Anke pereżempju għaliex hemm il-perjodu meta wieħed jagħmel l-audits. Hemm affarijiet diversi, li forsi nistgħu nerġgħu nħarsu lejhom. 

Iżda l-liġi qiegħda hemm għal kulħadd, u sal-lum il-Partit Nazzjonalista mhux qed jimxi magħha.  

Irridu ngħidu wkoll li huma kienu favur din il-liġi, u kienu huma li kienu jimponu li għandna bżonnha ... riedu l-liġi imma ma jridux jonorawha. 

Għaliex importanti li nidduskutu l-manifest tal-EPP u l-proposti tiegħu għall-politika tad-difiża? 

Jiena naħseb bir-rispett kollu, meta qegħdin insemmu l-proposta tal-EPP, irridu nżommu f’moħħna li l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, pronunċjat ruħha fis-7 ta’ Ottubru meta ddeċidiet tmur Iżrael minn jeddha u allura nesiet kull klawsola li hemm fil-kostituzzjoni tagħna li għandha x’taqsam man-newtralità. 

Jiġifieri, qabel anke naslu għal proposta, irridu ngħidu, jew in-newtralità ħa tgħodd għal kulħadd jew inkella ma tgħodd għal ħadd. Għaliex x’jiġifieri, li waħda minna, li għandha pożizzjoni tant għolja fil-Parlament Ewropew, tmur Iżrael, meta mbagħad nafu x’ġara f’Gaża? 

 Importanti nifhmu li aħna Gvern li rridu l-paċi u allura bl-ebda mod u manjiera ma rridu li jkollna x’naqsmu ma’ xiri ta’ armamenti u xiri li, irridu ngħidu, dawn iridu li l-Ewropa kważi kważi f’forza militari. Dan hu propju li ma rridux aħna. 

45 sena ilu ħdimna għall-ħelsien, u biex il-barrani ma jkollu xejn x’jaqsam magħna. Ħdimna għan-newtralità, u hemm fejn għandna nibqgħu nsostnu favur Malta. 

Is-sondaġġi juru li għad hemm numru kbir ta’ persuni li mhux se jivvutaw. Tibża’ minnha din li numru ta’ partitarji Laburisti ma joħorġux jivvutaw? 

Nemmen li sondaġġ hu ritratt tal-mument, nemmen li mhuwiex ir-realtà. Ir-riżultat tal-elezzjoni jsir fit-8 ta’ Ġunju. Il-kaxxa tinfetaħ fid-9 ta’ Ġunju, u ovvjament aħna qed naħdmu ħafna. 

Hemm barra jafu bir-riformi li saru minn Gvern Laburista tul l-aħħar 10 snin, mill-inizjattivi li qed igawdi minnhom kulħadd. Imma ċertament li jifhmu wkoll in-neċessità tal-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.   

Jiena nemmen li għandna mhux biss noħorġu nivvotaw, imma għandna nagħżlu l-kandidati li rridu jirrappreżentaw lil pajjiżna b’mod denju.   

X’qed tagħmel inti personalment biex dawn in-nies tipperswadihom jivvotawlek?   

Jien qed indur il-lokalitajiet kollha. Il-maġġoranza tan-nies li qed nitkellem magħhom, nifhem x’inhuma l-ħsibijiet tagħhom. Nisma’, u nifhem, għax hekk titlob il-kariga tiegħi wkoll.   

Ovvjament meta nibdew nitkellmu u nispjegaw dak kollu li għamel pajjiżna, u dak li għamilna fil-Covid, issa fl-istabbilità, ovvjament in-nies jibdew jirrikonoxxu x-xogħol kbir li għamel Gvern Laburista.   

Qed nagħmlu l-intervista fil-ġurnata li jittieħed il-vot fuq in-nomina ta’ Myriam Spiteri Debono. X’taħseb minn dan kollu?   

Jiena ttini kuraġġ kbir għax nemmen li kien pass kuraġġuż li permezz tar-riforma li għamilna, il-Prim Ministru m’għadux jagħmel lilu nnifsu president imma llum il-ġurnata kien hemm qbil min-naħa tal-Gvern u l-oppożizzjoni.   

Naħseb li tawgura ħafna tajjeb. Nemmen li issa, sa fl-aħħar, hemm affarijiet li qed naqblu fuqhom. Nemmen li bħalma ġara f’dan il-każ – u rridu ngħid li għandha kredenzjali mill-aqwa biex tmexxi dan il-pajjiż – nemmen issa wkoll li allura għandna nsibu l-Oppożizzjoni ponn man-naħa tal-Gvern sabiex nimxu ’l quddiem fuq suġġetti oħra.   

Huwa tajjeb ħafna li qegħdin naraw mara għal darb’oħra għal din il-kariga għax inħoss li issa qegħdin nuru biċ-ċar kemm nixtiequ li jkollna aktar nisa f’dawn il-karigi prominenti f’pajjiżna. 

More in Intervisti