Peter Agius: 'Il-poplu qed jurina li qed jaqta’ qalbu mill-politika'

Peter Agius mhux wiċċ ġdid fix-xena politika, speċjalment fl-aħħar snin grazzi għall-ħidma tiegħu bi preparazzjoni għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Agius jitkellem mal-ġurnalista Marianna Calleja dwar diversi suġġetti kurrenti.  

Min hu Peter Agius? 

Jiena avukat, missier ta' tlett itfal. Naħdem mal-Unjoni Ewropea, ilni naħdem mal-UE minn qabel ma dħalna membri. Dħalt b’kumbinazzjoni. Dak iż-żmien Malta kienet qed tinnegozja biex nidħlu fl-UE, u kien hemm bżonn ta’ avukat li jaf il-lingwa Maltija. 

L-UE kont diġà qed nistudjaha l-Università, u kien suġġett li jogħġobni ħafna. Imma minn dak ix-xogħol, infetaħ univers quddiemi għax Brussell u l-UE huwa post fejn jekk tistinka, jekk inti tkun kreattiv, inti tista’ tikber u taħdem f’oqsma differenti. 

Minn kuntratt ta’ sena spiċċajt ninnegozja liġijiet interessanti ferm. Kont inkarigat eżempju mill-online gaming, minn setturi tekniċi u anke direttivi fuq il-karozzi, inkluż fuq l-emissjonijiet, u d-disinn. 

L-Ewropa nafha ... u għalhekk għandi xewqa kbira biex nuża dak li naf għall-ġid ta’ Malta. Għax jien bħalissa l-imgħallem tiegħi, u l-obbligu tiegħi hija l-Ewropa kollha. Però jekk inkun MPE, allura mbagħad l-imgħallma tiegħi jkunu l-Maltin u l-Għawdxin. 

Fl-aħħar sondaġġ tal-gazzetta oħt, ħareġ kif il-Laburisti ddeċidew li jivvotaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Kaġun ta’ dan id-distakk kiber minn 15,000 fi Frar għal 29,000 dan ix-xahar. Taħseb li dawn in-numri se jkunu r-raġuni għaliex il-PN ma jġibx lura t-tielet siġġu? 

Is-sondaġġi wieħed irid jagħti kashom, però jindikaw it-trend, mhux ir-riżultat. L-ewwel nett sar sondaġġ ftit qabel, fejn rajna li d-distakk kien ikbar minn hekk. Jiġifieri fi ftit ġimgħat, jekk se nieħdu s-sondaġġi prima facie, jindika li l-PN mar aħjar f’dan is-sondaġġ. Imma barra minn hekk, is-sondaġġ jindika wkoll li hemm faxxa enormi tal-poplu li tant iddejjaq mill-politika, tant xebbgħuh il-politiċi u l-iskandli ta’ kuljum ... inti meta tmur fid-djar, in-nies din isemmulek, l-iskandli, il-kwalità tal-ambjent, il-kwalità tax-xogħol. 

Li qed jiġri, li ħafna mill-poplu tagħna, bil-faxxa dejjem tikber, qed jaqtgħu qalbhom mill-politika. Naħseb li l-iktar ħaġa importanti li rridu nagħmlu, huwa li nagħtu kuraġġ ġdid lill-poplu Malti. 

Jien din hi t-triq tiegħi fil-politika. Irrid nagħti kuraġġ, b’politika ta’ kompetenza, politika ta’ onestò, u ta’ viżjoni. 

Is-sondaġġi qed jindikaw trend ta’ qtigħ il-qalb mill-politika. Min-naħa tal-PN, bla dubju rridu nxammru l-kmiem, u naħdmu ħafna aktar għall-fiduċja tan-nies. 

Però, dan id-diskors ilu jingħad. Bdistakk bħal dan, ma taħsibx li n-nies forsi mhux qed jarawkom bħala gvern alternattiv? 

Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll kemm qed inkunu effiċjenti bil-messaġġ tagħna. Irridu nkunu kritiċi. 

Il-messaġġ il-problema, jew il-messaġġier? 

Il-messaġġ ... kemm qed jasal għand in-nies, kemm qed jirnexxilna noħolqu engagement, kemm jirnexxilhom in-nies jirrelataw ma’ dak li qed ngħidu.Għax ta’ spiss tisma’ li fil-politika hemm bżonn aktar proposti. Jiena, personali, u anke l-PN, aħna fl-aħħar sena biss ħriġna diversi proposti proattivi u konkreti. Forsi ma wasalniex biżżejjed għand in-nies. 

Il-fatt ukoll li għandek, min-naħa tal-Gvern, politika tax-xejn mhu xejn. Fejn addirittura, iridu eżempju lil Rosianne Cutajar, li qaltilna li kulħadd jitħanżer u tieħu paga ta' xejn, lura fil-partit. Joseph Muscat, Prim Ministru li kellu joħroġ minn Kastilja b’rasu baxxuta bil-protesti tan-nies, dawn qed jerġgħu jgħolluh u jipprovaw jirriċiklawh. 

Allura inti l-politika tibda tgħid, “isma’, dawn qegħdin hawn għalija, jew qegħdin hemm biex jgħattu xawwathom u jkomplu jħawdu bejniethom?” 

Din is-sens ta’ qtigħ ta’ qalb fil-partiti kollha, qed jaffettwa bla dubju lill-PN ukoll. Għax minflok in-nies jgħidu, ejja naħdmu flimkien ħalli nbiddlu s-sitwazzjoni, qed twassal għal dak il-qtigħ ta’ qalb u jkun hemm inqas militanza, inqas proattività. 

Irrapportajt l-iżviluppatur tal-binja ta Kordin, l-istess binja li wasslet għall-mewt ta Jean Paul Sofia, lill-Aġenzija Ewropea kontra l-Frodi. Għaliex? 

Din il-persuna li żviluppat il-propjetà f’Kordin, li waqgħet, b’dawn il-ħitan iperpru, mhux mibnija sew, u bl-awtoritajiet suppost jagħmlu xogħolhom u ma għamlu xejn ... din il-binja waqgħet u qatlet lil Jean Paul Sofia traġikament. 

Issa jien iltqajt ma’ Isabelle Bonnici. Kont parti mill-furur nazzjonali, mhux waħdi, għax konna eluf fi Pjazza Kastilja nitolbu għal inkjesta pubblika.  

Jiena lil Isabelle, tajt kelmtni li se ngħin, b’mod konkret biex verament issir ġustizzja ma’ Jean Paul Sofia. Dan għamiltu b’żewġ modi, l-ewwel nett kxift li l-Gvern ma kienx qed jimplimenta l-liġi Ewropea dwar is-sigurtà tal-bini, il-liġi, ir-regolamenti tal-prodotti ta’ kostruzzjoni.  

Fil-fatt hawn il-maġġoranza tal-briks f’Malta li mhuwiex CE marked. Suppost inti għandek marka ta’ kwalità li tkun fuq ħafna prodotti li tixtri. Din suppost il-briksa Maltija jkollha din il-marka, u m’għandhiex, għax il-Gvern baqa’ jitgħażżen u ma implimentax il-liġi Ewropea. 

It-tieni, meta smajt li dan l-iżviluppatur li għandu diversi propjetajiet oħra li qed jiżviluppahom madwar Malta u Għawdex, applika għall-fondi tal-Ewropa, jien għokritni għajni. 

Għaliex? Għax naf kemm iridu jgħaddu minn terturi l-bdiewa ġenwini, li vera qed jipprovaw jaqilgħu x’jieklu min-nagħaġ, mill-bhejjem, mill-ħaxix u l-frott, kemm jgħaddu minn torturi biex jieħdu erba’ soldi mill-UE. Tant li ħafna minnhom qatt ma ħadu! 

Jiena, permezz tal-mezzi tiegħi, għamilt investigazzjoni personali biex nara dan l-iżviluppatur kemm ħa fondi. Jien m’għandi xejn kontrih dan il-persuna, m’għandi xejn kontra ħadd ... però mhux se naċċetta li l-fondi tal-Ewropa jmorru għand min m’għandux bżonnhom. 

Mill-investigazzjoni joħroġ li dan mhux darba biss ħa ta! Ħa tliet darbiet! U kull darba jieħu l-ammont sħiħ, l-ogħla ammont li tista’ tieħu. L-ewwel darba ħa €150,000, l-iktar li tista’ tieħu f’dik is-sejħa li ħarġet. It-tieni darba ħa €136,000 biex ikompli jkabbar razzett u t-tielet darba ħa €62,000. 

Issa jiena mort fuq il-post, u ma rajt l-ebda nagħġa, ma rajt l-ebda ħaġa li turi li dan hu razzett. Anzi rajt drive-in, villa bellezza, ġo art ODZ f’wieħed mill-isbaħ widien ta’ Malta, tajjeb? Villa sabiħa quddiem u garaxx warajha.  

Din il-persuna ħadet ritratti u qalet: “ara hawn nagħaġ.” Iva, orrajt, għandek in-nagħaġ, imma l-punt għadu hemmhekk ... Il-fondi jridu jmorru għand min għandu bżonnhom. 

Jiena tlabt lill-OLAF tinvestiga. Din hi istituzzjoni rispettata li tinvestiga jekk sarux abbużi mill-fondi tal-UE, u qiegħed fil-preżent jinvestiga l-każ. 

Jien se nibqa’ nsus wara dawn il-każijiet biex nara li l-fondi tal-Ewropa jintużaw tajjeb. 

Għaliex mort għand l-OLAF? L-awtoritajiet Maltin ma setgħux jagħmlu l-istess tip ta' investigazzjoni? 

Bla dubju. L-awtoritajiet Maltin kellhom għaxar xhur ċans biex jiċċaqalqu. Mela dan rajna gazzetta ewlenija toħroġ dwar il-każ. Għaxar xhur ilu, smajna xi ħaġa mill-pulizija? Ma smajna xejn. 

Wara, l-inkjesta f’paġna 299, qalet ukoll li dan l-iżviluppatur ħa l-fondi Ewropej b’mod illeċitu u baqa’ ma ġara xejn. Ma smajna bl-ebda investigazzjoni. Għalhekk kelli niċċaqlaq. 

Aħna hekk irridu nagħmlu. Fejn l-awtoritajiet mhux jieħdu azzjoni, aħna rridu nsibu l-Ewropa biex tgħinna. Fejn hemm il-każ, fejn hemm il-possibilità. 

Iżda fuq l-istess linja li kont akkużajt lil Alex Agius Saliba li qed iperreċ l-affarijiet tan-nazzjon fi Brussell, ma taħsibx li qed tagħmel l-istess? 

Fejn kien hemm bżonn li jiena nuża l-awtoritajiet Maltin hekk għamilt. Eżempju dwar id-dranaġġ mormi fil-baħar, jien resaqt rapport lill-Awditur Ġenerali hawn Malta fil-Furjana biex jinvestiga l-użu tal-fondi Ewropej. 

Irridu naraw il-każ xi jkun, u min hi l-iktar awtorità li jaqbel li tinvestiga l-każ.  

Jien lill-MEP Alex Agius Saliba kkritikajtu għax kienet kwistjoni fejn l-iktar entità li forsi tista’ ssolvi l-problema kienet Maltija. Kienet l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Maltija. Għalhekk ikkritikajt lil Alex. 

Mhux għax ħa xi tip ta’ inizjattiva dwar l-abbuż. Sewwa għamel li jsemmi l-abbuż u jgħid li jiġi investigat. Imma għandha tinvestiga l-awtorità Maltija mhux l-Ewropa.  

F’dan il-każ kien bil-kontra. 

Naqbżu fuq xi ħaġa friska. Il-Ħamis li għadda rajna l-ġurament tal-ħatra tal-President Myriam Spiteri Debono. X’deherlek mid-diskors tagħha? 

Jiena laqatni l-kuraġġ tal-Eċċellenza tagħha l-President Myriam Spiteri Debono, li trattat it-temi l-aktar relevanti għal pajjiżna. 

Trattat it-tema speċjalment it-tema tal-ġustizzja. Aħna għandna żewġ inkjesti, inkluż l-inkjesta fil-qtil barbaru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 

Wara qtil ta’ ġurnalista ma kellniex nikinsu x-xemgħat, imma ningħaqdu bħala poplu biex naraw li jkollna ġustizzja ta’ vera u jkollna sens ta’ għaqda nazzjonali. 

More in Intervisti