Mark Sultana: 'Il-liġijiet tal-konservazzjoni tal-għasafar tbiċċru f’dawn l-aħħar għaxar snin'

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma' Mark Sultana, il-Kap Eżekuttiv tal-Birdlife Malta, hekk kif l-istaġun tal-kaċċa jinfetaħ minkejja t-tħassib serju minn ambjentalisti u l-Ewropa

Wara d-deċiżjoni tal-Qorti, BirdLife Malta għandha ħsieb tbiddel il-mod kif tiġġieled il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fil-Qorti? 

BirdLife Malta għandha l-obbligu li tħares in-natura inġenerali u l-għasafar b’mod partikolari. Biex nipproteġu l-għasafar waqt il-passa tant importanti tar-rebbiegħa, specjalment il-Gamiema li qiegħda fi stat vulnerabbli, BirdLife Malta lesta tagħmel dak kollu li għandha dritt tagħmel. Għandna dritt nagħmlu referendum, għandna dritt li niddjalogaw mal-politiku sabiex infehmuh il-prinċipji tal-konservazzjoni u l-bżonn li ma jinfetaħx staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, għandna dritt nirrappurtaw dwar dak li qed jiġri f’pajjiżna lill-Unjoni Ewropea ladarba Malta hija Stat Membru, għandna dritt li nwasslu l-messaġġ tagħna permezz tal-midja u fit-toroq, kif għandna wkoll id-dritt li nisfidaw id-deċiżjonijiet fuq qafas legali u allura li nirrikorru għall-Qorti. Dan huwa dak li jagħmel minn pajjiżna pajjiż demokratiku b’soċjetà ċivili attiva u relevanti.  

 

L-Imħallef Francesco Depasquale fis-sentenza rrefera għall-fatt li Malta hija irrelevanti għall-passa tal-għasafar. X’tikkummenta? 

Mingħajr ma nuri l-ebda disprezz lejn il-Qorti, naħseb li kien kumment żejjed u forsi xi ftit populist li jdoqq għal widnejn xi wħud, imma li juri kemm hemm il-bżonn ta’ esperti li jassistu lill-qorti f’kull qasam imma b’mod partikolari fejn jidħlu l-oqsma tax-xjenza naturali. Kien kumment li ma jorbot mal-ebda qafas legali tant li ħassejtu pjuttost opinjoni, iktar minn kull ħaġa oħra ... u opinjoni li mhijiex ibbażata fuq il-fatti. Allaħares Malta, għax żgħira, tinsa l-valuri u l-obbligi tagħha għaliex dawn ma jagħmlux differenza fl-istampa l-kbira. Malta tista’ tiġi carbon-neutral imma t-Tibdil fil-Klima ma jbiddilx ir-rotta tagħha – allura ma nagħmlu xejn? Bl-istess argument, il-qrati ta’ Malta jagħtu sentenzi differenti jekk xi ħadd jisraq mingħand persuna li għandha kemm kemm biex tgħaddi, jew inkella xi ħadd li jisraq l-istess ammont mingħand biljunarju? Fil-każ tal-aħħar, wieħed jista’ jiddefendi dan is-serq billi jgħid li l-flus li nsterqu huma irrelevanti għall-biljunarju? Ma naħsibx, għaliex valur huwa valur li ma jinbidilx skont l-ammont jew il-frekwenza. Is-serq huwa ħażin, ikun kif ikun. Li toqtol għasafar qabel ma jbejtu huwa prinċipju simili, ħażin dejjem u qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat għax l-ammonti jkunu żgħar. 

 

Meta tħares lejn dawn l-aħħar erba' snin mill-bidu tal-amministrazzjoni ta’ Robert Abela, tara xi żviluppi pożittivi fil-ħarsien tal-għasafar? 

Apparti l-fatt li l-Ponta tal-Qawra saret żona fejn ma tistax issir kaċċa (u dan bis-saħħa tal-pressjoni li għamlet BirdLife Malta), fil-bqija nista’ ngħid li ma sar assolutament xejn. U dan ma jfissirx li kieku kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-gvern kien ikun hemm xi ħaġa differenti. Però aħna bħala NGO ovvjament ikollna nikkritikaw wisq aktar lil min ikun fil-gvern milli lil min ikun fl-oppożizzjoni, għalkemm ma nżommux lura meta l-oppożizzjoni tieħu pożizzjoni żbaljata bħalma hi dik rigward il-kaċċa fir-rebbiegħa. Naħseb li Robert Abela huwa distakkat mill-fatti u ma naħsibx li jixtieq ikun jaf jew huwa interessat ikun jaf il-fatti. Huwa fatt magħruf li hemm ċerta intimità bejn il-lobby tal-kaċċaturi u n-nassaba, u dan il-Gvern. Naħseb li qed jafda lil Clint Camilleri wisq f’dan il-qasam u li qed iħallih jagħtihom ir-riħ. Il-liġijiet tal-konservazzjoni tal-għasafar tbiċċru f’dawn l-aħħar għaxar snin … loopholes papali purament biex jaġevolaw lil min irid jikser il-liġi.  

 

Il-parteċipazzjoni tagħkom fil-Kumitat ORNIS hija limitata, għax qegħdin fil-minoranza u l-gvern dejjem jara li tgħaddi tiegħu, ma tikkunsidrawx li twaqqfu l-parteċipazzjoni tagħkom? 

Din hija dilemma li dejjem tberren f’moħħi u f’moħħ oħrajn li jamministraw lil BirdLife Malta. Apparti li forsi nevita ħafna frustrazzjoni, ma nara li niggwadanjaw xejn iktar jekk noħorġu mill-Kumitat ORNIS. Naħseb li għandna nużawh aħjar u li nkunu proattivi, iktar milli reattivi. Ikun ideali imma, kieku l-Kumitat għandu aktar saħħa xjentifika minn dik politika! 

 

Hemm xi punt meta taħsbu li tkunu tistgħu taħdmu mal-kaċċaturi, jew din missjoni impossibbli? 

Jien ma narax li huwa impossibbli, però naħseb li bħalissa m’hemmx il-maturità neċessarja biex isir dan. Ma nistgħux nirraġunaw kif qed isir illum pereżempju, li biex nitkellmu, l-ewwel xi ħadd irid iċedi xi ħaġa. Din it-tip ta’ diskussjoni m’għandhiex tibda billi npoġġu kundizzjonijiet stretti. Dak mhux mod kif isir dan it-tip ta’ pass. Bħalissa, pereżempju, hemm kundizzjoni li qabel ma’ BirdLife Malta taċċetta l-kaċċa tar-rebbiegħa, m’hemm l-ebda ċans li se niddiskutu flimkien u naqblu fuq xi ħaġa. Jien naħseb li jkun ta’ ġid kbir għal kulħadd jekk flimkien naħdmu biex jonqos il-ksur tal-liġi fuq għasafar protetti, pereżempju.  

 

Lil hinn mill-kaċċa hemm problemi ikbar fil-qasam ambjentali. Fuq quddiem nett hemm il-qerda tal-ambjent naturali u l-iżvilupp sfrenat, ma taħsibx li din għandha tkun il-prijorità ewlenija ta' BirdLife Malta? 

In-natura f’Malta għandha pressjonijiet kbar. Ħafna nies f’pajjiż żgħir, ekonomija mfassla fuq it-turiżmu u l-kostruzzjonni, u elf ħaġa oħra, inkluż it-Tibdil tal-Klima, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju u d-dawl kif ukoll l-ispeċi aljeni u invażivi. BirdLife Malta taħdem fuq ħafna oqsma minn dawn u forsi għandna ndoqqu iktar trombi minn dan l-aspett biex nuru kemm qed isir xogħol minn dan il-lat. Però hemm ħafna aktar xogħol xi jsir, speċjalment rigward permessi u policies li jaffettwaw artijiet naurali. Ma niqfux naħdmu fuq dan il-qasam u nikkollaboraw ħafna mal-għaqdiet kollha l-oħra wkoll.  

 

Fil-qasam edukattiv tagħmlu xogħol kbir. Qed ikun hemm frott għal dan ix-xogħol jew qed tfallu f’dan is-settur? 

Iva, l-edukazzjoni ambjentali minn dejjem kienet fattur importanti fl-operat u fl-istrateġija ta’ BirdLife Malta. Tul iż-żmien evolvejna u llum, apparti li l-programm Dinja Waħda – il-programm tal-edukazzjoni ambjentali tagħna fl-iskejjel – jinsab fi triqtu biex jiġi akkreditat, dan issa ħareġ ukoll ’il barra minn xtutna u hemm pajjiżi diversi li qed jaddottaw dan il-programm f’pajjiżhom. Fir-Rumanija diġà bdew, imma hemm pajjiżi bħall-Polonja u l-Greċja li wkoll mexjin f’din id-direzzjoni. Ma tantx għandna kejl tal-effett tiegħu, però żgur li mingħajr ma ngħinu lit-tfal biex ikollhom tagħlim permezz ta’ esperjenzi fin-natura, kieku jkollna problemi ikbar. L-ikbar sfida f’dan is-settur huwa kif se nilħqu liż-żgħażagħ. Bħalissa dan huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li qed naħdmu fuqhom biex infasslu strateġija għat-tliet snin li ġejjin.  

 

Ċertament hemm xogħol siewi u pożittiv min-naħa tagħkom li jagħtikom ċerta ħeġġa biex tkomplu fix-xogħol. Tista’ ssemmi xi eżempji? 

Minbarra x-xogħol li diġà semmejna bħall-edukazzjoni, il-konservazzjoni tal-għasafar mill-aspett ta’ sorveljanza, kif ukoll ix-xogħol fuq temi varji bħat-tniġġis tal-arja u permessi għall-bini u policies tal-ippjanar, naħseb li x-xogħol li qed nagħmlu fl-immaniġġjar ta’ siti naturali li ġew fdati f’idejna (bħalm’huma r-riservi naturali), kif ukoll l-istudji xjentifiċi serji li bqajna nagħmlu bl-aktar livell għoli u professjonali possibbli jagħmluni kburi. Ix-xjenza tibqa’ s-sinsla tax-xogħol u l-missjoni tagħna. Ix-xjenza bħall-bird ringing, l-istudji fuq it-tajr tal-baħar, u fuq il-passa tal-għasafar bħall-Gamiema jagħtuna informazzjoni validissima. Ix-xjenza mhix opinjoni imma fatt u għalhekk importanti għalina. Is-siti naturali jibqgħu jkunu xempju ta’ kif għandna nieħdu ħsieb il-pajjiż kollu. Nixtieq nara aktar siti naturali li jinżammu f’livell tajjeb u sostenibbli, u jalla l-valuri li nħaddnu u ngħallmu f’dawn il-postijiet jinfirxu mill-konfini tagħhom u jinfirxu ma’ kulħadd u mal-pajjiż kollu. 

 

More in Intervisti