Raġel inżamm taħt arrest wara li kien akkużat li mmolesta tifel żgħir f’ħanut il-Mosta

Hu naqas milli jikkopera mal-pulizija, u kien qed jaħdem f'Malta llegalment

L-ispetturi Godwin Scerri u Dorienne Tabone, flimkien mal-prosekutur Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, resqu liċ-Ċiniż Zhou Jianping, ta’ 55 sena, fuq akkużi li kkommetta atti ta’ natura sesswali mhux mixtieqa fuq tifel ta’ disa’ snin, f’ħanut il-Mosta.

Hu akkużat ukoll li kkawża biża’ ta’ vjolenza lit-tifel u li kkawżalu ġrieħi ta’ natura ħafifa, fost oħrajn. Addizzjonalment, ġie mressaq talli kien qed jaħdem f’Malta mingħajr permess.

L-ispettur Scerri qal quddiem il-Qorti illi l-għassa tal-Mosta rċeviet telefonata fejn mara fil-ħanut irraportat li ħaddiem fil-ħanut kien mess il-ġenitali tat-tifel tagħha.

L-ispettur, flimkien ma’ numru ta’ pulizija oħra, marru fuq il-post, fejn sabu l-omm u l-akkużat. Hu stqarr li tkellem mat-tifel, li kien evidentament imbeżża’, u dan irrepeta dak li allegat ommu. Dan ġie kkonfermat mill-filmat tal-kameras tas-sigurtà tal-ħanut.

Il-Maġistrat Kevan Azzopardi m’aċċettax it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest. Dan għalhiex għad hemm xhieda li għadhom ma tawx ix-xhieda tagħhom. Minbarra dan, l-akkużat naqas milli jikkopera mal-pulizija; ir-rabta tiegħu ma’ Malta ma ġietx stabbilita, u l-anqas provda indirizz. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti ma kellhiex serħan il-moħħ li se jobdi l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma u l-ġenituri tiegħu, u ordnat li l-akkużat m’għandux jipprova jikkuntatjahom.

Il-Qorti ħarġet ukoll projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-identità tal-allegat vittma.

More in Qrati u Pulizija