Żewġ nisa jammettu li serqu €900 minn basket fl-ajruport

Il-Qorti tagħti sentenza ta’ 12-il xahar priġunerija, sospiża b’sentejn

Żewġ nisa Spanjoli jammettew li serqu €900 fi flus kontanti minn basket li kien mitluf fl-ajruport.

Dalgħodu, l-ispettur Roxanne Tabone resqet infermiera u amministratriċi t’uffiċċju, it-tnejn ta’ 53 sena minn Las Palmas fi Spanja, quddiem il Maġistrat Noel Bonello.

Huma kienu akkużati li serqu li flus minn basket li kien minsi fil-lattrina tan-nisa fl-Arrivals, l-Erbgħa wara nofsinhar.

L-ispettur qalet quddiem il-Qorti kif ilbieraħ, il-pulizija rċeviet rapport li passiġġiera mit-Turkija kienet nesiet il-basket fil-latrina, u x’ħin marret lura għalih sabet il-flus neqsin.

Il-pulizija ħadet azzjoni immedjata u malajr ġew identifikati l-akkużati, permezz tal-kameras li jinstabu barra l-latrina. Huma ġew arrestati u fuq persunthom instabu €450 kull waħda.

L-akkużati wieġbu ħatja għall-akkuża ta' serq aggravat skont artiklu 267 tal-Kodiċi Kriminali, peress li l-valur jeċċedi dak ta €232.94.

Il-Qorti kienet informata li l-flus ġew irritornati lil sidhom u li l-akkużati kienu kkoperaw mal-pulizija.

Huma nstabu ħatja u ngħataw sentenza ta’ 12-il xahar priġunerija, sospiża b’sentejn.

L-avukat Josette Sultana rrappreżantat l-akkużati.
 

More in Qrati u Pulizija