Operatur tal-VRT bil-liċenzja sospiża għal 10 snin

Ir-raġel ingħata wkoll multa ta' €500

Operatur tal-VRT ġie sospiż milli juża l-liċenzja tal-VRT tiegħu għal 10 snin u ngħata multa ta' €500 wara li nstab ħati li ta ċertifikat ta' VRT lil karozza li suppost falliet.

Ir-raġel, ta' 56 sena u resident fiż-Żurrieq kien mressaq quddiem l-Ispettur Sergio Pisani, fejn kien akkużat li aċċetta offra ta' tixħim u li għamel dikjarazzjoni falza f'każ li sar f'Jannar tal-2017.

Il-Maġistrat Rachel Montebello nnutat mill-evidenza li f'dik il-ġurnata, l-akkużat ipprovda ċertifikat li qal li vettura għaddiet mill-eżami tal-VRT meta hu fil-fatt ma kienx għamel l-eżami.

Montebello ddikjarat li anke jekk sar l-eżami, il-vettura tant kienet f'stat ħażin li kienet tfalli. Fil-fatt, il-vettura falliet l-eżami tal-VRT li għamlet l-awtoritajiet.

More in Qrati u Pulizija