L-aħwa Degiorgio bi protest biex tkun revokata l-maħfra Presidenzjali ta' Melvin Theuma

Melvin Theuma huwa l-allegat intermedjarju fil-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia

L-aħwa Alfred u George Degiorgio, li huma akkużati li poġġew u attivaw il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia, fetħu protest ġudizzjarju biex jikkontestaw il-maħfra Presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-każ.

Fil-protest, li tressaq dalgħodu mill-Avukat William Cuschieri, l-akkużati saħqu li għalkemm l-Avukat Ġenerali kien qal lill-Qorti li huwa impossibbli li Melvin Theuma jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza, għax il-fatti ġraw erba’ xhur qabel ħarġet l-att ta’ akkuża, il-verità hi li kienu ilhom jafu bl-informazzjoni.

Cuschieri jagħmel referenza għal rapporti fuq il-midja li kienu jgħidu li Vince Muscat (ukoll akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia) kien semma lill-midja f’April tal-2018.

Fil-fatt, dan kien żvelat ukoll minn Reuters, fejn saħansitra tkellmet mart Muscat tisħaq li kellu jkun Muscat li jingħata l-maħfra Presidenzjali għax, fi kliemha, kien hu li għadda l-informazzjoni lill-Pulizija biex ikun solvut il-każ.

Muscat kien talab il-maħfra Presidenzjali iżda din kienet baqgħet qatt ma ngħatatlu.

Għalhekk, l-aħwa Degiorgio qed jisħqu li l-informazzjoni li għadda Theuma ma kinitx ġdida, anke għax Yorgen Fenech kien diġà suspettat li kien il-mandant tal-qtil u kien taħt sorveljanza mis-Servizzi Sigrieti.

Ir-rikors ikompli jisħaq li l-informazzjoni pubblika, inkluż ir-ritratt ippubblikat mill-MaltaToday ta’ Melvin Theuma ma’ Keith Schembru, jikxfu l-fatt li l-proklama ma kinitx ibbażata totalment fuq il-verità u li kien hemm kunflitt ta’ interess serju.

Propju għalhekk li l-aħwa Degiorgio qed jisħqu li l-maħfra Presidenzjali tkun revokata.

Dalgħodu, l-aħwa Degiorgio ressqu protest biex tkun revokata l-maħfra Presidenzjali ta' Melvin Theuma

More in Qrati u Pulizija