'Mhumiex kriminali. Huma mbeżża'; immigranti jispiċċaw il-ħabs għax ipprovaw jaħarbu minn Malta

Iż-żewġ immigranti nisa waslu Malta s-sena li għaddiet u kienu qed jitolbu l-ażil

Żewġ nisa ingħataw sentenza ta’ ħabs wara li ammettew li pprovaw jużaw passaporti foloz biex jaħarbu lejn il-Ġermanja u finalment Franza.

Iż-żewġ nisa, li għandhom 31 u 35 sena, mill-Kamerun u l-Kosta tal-Ivorju, tressqu l-Qorti separatament akkużati li kienu fil-pussess ta’ passaporti foloz.

Huma kienu arrestati fl-Ajruport Internazzjonali ta’Malta ftit qabel telgħu fuq it-titjira.

Huma waslu Malta s-sena li għaddiet abbord dgħajsa u pprovaw jitolbu l-ażil.

“Jidher li d-destinazzjoni tagħhom ma kinitx Malta,” saħaq l-Ispettiur. “Aħna offerjnilhom l-għajnuna u l-ażil iżda jidher li jridu jmorru Franza.”

L-Avukat Martin Fenech saħaq li n-nisa mhumiex kriminali u appella biex ma jingħatawx sentenza ta’ ħabs. Insista li telqu minn pajjiżhom minħabba l-persekuzzjoni.

“Qegħdin hawn għax xtaqu ħajja aħjar. Il-ħabs qiegħed għall-aġir kriminali. Il-Qorti tista’ tagħti sentenza sospiża. Passaporti għar-refuġjati jistgħu jinħarġu wara snin. Mhumiex kriminali. Huma mbeżża’,” saħaq l-Avukat waqt li insista li l-passaporti lanqas ma kienu ffabbrikati f’Malta.

Madanakollu, il-Qorti, wara li ħarset lejn deċiżjonijiet f’każi simili, tat lin-nisa sentenza ta’ sitt xhur ħabs.

More in Qrati u Pulizija