Raġel ta’ 38 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li kmieni lbieraħ filgħodu, waqt li kien fis-sakra, qabad jispara fl-arju u fuq karozzi pparkjati.
L-akkużat, Serb, kien arrestat ilbieraħ fl-4am f’San Pawl il-Baħar.
Is-Supretendent Mario Haber qal li r-raġel kien arrestat wara li deher jispara bl-addoċċ waqt li kien taħt l-effett tax-xorb.
Huwa qed ikun akkużat li għamel użu minn arma bla liċenzja, li kkawża ħsara, li kien fis-sakra fil-pubbliku u li kiser il-paċi pubblika.
Intant, jidher ukoll li għaddejja investigazzjoni għax hemm ċans li l-passport tar-raġel huwa wieħed falz.
Huwa wieġeb mhux ħati, bil-Qorti mistennija tagħti s-sentenza tagħha nhar l-1 ta’ Awwissu.