Raġel b'100 gramma kokaina, 23 Kg kannabis u €45,000 fuqu arrestat

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin filwaqt li l-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum

(Arkivji)
(Arkivji)

Iżjed ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga flimkien ma’ membri tar-Rapid Intervention Unit, ilbieraħ, wasslet għall-arrest ta’ raġel 28 sena residenti il-Belt Valletta.

Ir-raġel ġie mwaqqaf waqt li kien qiegħed isuq il-vettura tiegħu f’San Ġwann. Il-Pulizija għamlet tfittxija fil-vettura u nstabu madwar 23 kilogramma pjanta tal-cannabis lesta biex tiġi traffikata, 100 gramma kokaina u €45,000 fi flus kontanti. Il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello LL.D ġiet infurmata bis-sejba u ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntanta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin filwaqt li l-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Simone Grech LL.D, b’akkużi relatati ma’ pussess aggravat tad-droga, li għamel ħsara volontarja fuq propjetà ta’ terzi, fixkel il-Pulizija filqadi ta’ dmirijithom u li rreżista l-arrest fost akkużi oħra. 

Fil-Qorti, illum wara nofsinhar l-Ispettur Jonathan Cassar akkuża lir-raġel li kien qed isuq mingħajr liċenzja jew asigurazzjoni, li għamel ħsara fuq numru ta' karozzi u li injora tabbella li kienet tgħid 'No Entry'. L-akkużat huwa riċediv. 

Hu kien akkużat ukoll bil-pussess aggravat ta' kokaina u kannabis, li kien qed isuq b'mod perikoluż u li m'obdiex lill-Pulizija. 

Il-Pulizija tad-Drug Squad kienu ilhom isegwu lill-akkużat minn meta ħareġ minn garaxx. 

L-Avukat Arthur Azzopardi ma talabx il-ħelsien mill-arrest għall-klijent tiegħu f'dan il-punt. 

Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex tiffriża l-assi kollha ral-akkużat, liema talba kienet milqugħa mill-Maġistrat. 

More in Qrati u Pulizija