Jinħeles mill-arrest iż-żagħżugħ akkużat li uża l-okkult biex jistupra lil omm it-tfajla

Iż-żagħżugħ kien akkużat li kkawża biża' fl-omm u fit-tfajla tiegħu, permezz ta' riti 'sataniċi' biex ikollhom 

Ingħata l-ħelsien mill-arrest iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena li kien tressaq l-Qorti akkużat li kellu x’jaqsam sesswalment mat-tfajla tiegħu ta’ 15-il sena u li stupra lil ommha bħala parti minn riti tal-okkult.

Iż-żagħżugħ, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien tressaq tliet xhur ilu akkużat li stupra mara vulnerabbli u li kkawża biża’ lilha u lil mara oħra vulnerabbli, biex iwettqu atti sesswali kontra r-rieda tagħhom.

Kien akkużat ukoll li żamm terzi persuni kontra r-rieda tagħhom u li anke kkawżalhom ġrieħi ħfief.

Fill-Qorti kien instema' kif l-omm tipprattika l-okkult u ż-żagħżugħ kien daħlilha f’moħħha li fetħet il-bieb għax-xitan u kien jimmanipulaha billi jbiddel leħnu (attaparsi x-xitan), u jagħtiha diversi ordnijiet biex jissodisfa x-xewqat sesswali tiegħu.

Id-Difiża kienet iddeskriviet il-każ bħala wieħed stramb u kienet qalet li kellu jissejjaħ eżorċista fil-propjetà u waqt quddiesa taru l-affarijiet u nstemgħu ilħna.

Wara li huwa kien miċħud il-ħelsien mill-arrest, iż-żagħżugħ kien reġa' talab lill-Qorti biex teħilsu bid-deċiżjoni ttieħdet illum.

L-Avukati tiegħu saħqet li qabel tressaq il-Qorti, l-akkużat kien ingħata l-ħelsien mill-arrest mill-Pulizija u segwa l-ordnijiet kollha imposti fuqu.

L-ewwel darba li deher il-Qorti, kemm il-Pulizija u anke l-Avukat Ġenerali kienu saħqu kontra l-ħelsien mill-arrest peress li l-omm kienet għadha ma xehditx.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera osservat li l-libertà hija m-norma u li persuna tinżamm arrestata hija l-eċċezzjoni, partikolarment meta l-persuna tkun għadha ma nstabitx ħatja u għalhekk meqjusa innoċenti.

L-Avukati saħqu li minkejja li l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, ma qalux li wara li ġie interrogat, bejn id-29 ta’ Jannar u s-6 ta’ Frar, l-akkużat kien għadu qed jgħix mal-omm.

Saħqu li l-allegati vittmi qatt ma lmentaw li l-akkużat ġiegħlhom ibiddlu x-xhieda tagħhom.

“Il-Qorti għandha quddiema żagħżugħ ta’ 18-il sena b’kondotta nadifa,” saħqet l-Imħallef.  “L-akkużat għadu meqjus innoċenti u minkejja li l-akkużi huma srji ħafna, ma għandhomx ifissru li l-Qorti ma għandhiex tagħti l-ħelsien mill-arrest.

Kien għalhekk li l-Imħallef laqgħet it-talba waqt li ordnat lill-akkużat biex ma jbiddilx l-indirizz, isegwi curfew, jiffirma fl-għassa kuljum, ma jitkellimx max-xhieda u ordnatlu wkoll jagħti d-dokumenti kollha tal-ivjaġġar lill-Qorti.

Ordnatlu ma jitlaqx mill-pajjiż mingħajr il-permess tal-Qorti u biex jagħti €1,000 u garanzija personali ta’ €8,000

More in Qrati u Pulizija