Akkużat li kaxkar lil omm bintu minn xagħarha wara argument fuq il-kustodja tat-tarbija

Il-Maġistrat jagħti l-ħelsien mill-arrest liż-żagħżugħ u jpoġġi l-piż kollu fuq ommu 

Żagħżugħ ta’ 20 sena minn Ħal Qormi ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li kaxkar lill-eks sieħba tiegħu minn xagħarha wara argument li kellhom fuq it-tifla li għadha tarbija.

Il-Maġistrat Aaron Bugeja kien infurmat li l-Pulizija qed takkuża liż-żagħżugħ li attakka u weġġa’ ħafif lil mara, li insulentaha u li heddidha.

Il-Prosekuzzjoni kienet qed toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest għax ix-xhud prinċipali kien għadu ma xehedx.

L-Avukat li qed jidher għall-allegata vittma qal lill-Qorti li l-akkużat għandu jdejh ħafifa u żvela wkoll kif omm l-akkużat ċemplitlu dakinhar qabel l-inċident biex jitlob lill-Qorti tagħti protezzjoni lil bintha.

“Raġel inżamm arrestat għax spara fuq żewġ tajriet protetti, iżda raġel li sawwat omm quddiem bintha jista’ jmur id-dar qiesu mhux hu. Għandu bżonn lezzjoni,” saħaq l-Avukat.

Minkejja dan il-Maġistrat qal li kien lest jagħti l-ħelsien mill-arrest jekk omm l-akkużat, li kienet preżenti, tassigura li binha jobdi l-kundizzjonijiet tal-Qorti.

Mistoqsi dwar it-tarbija minn omm ll-akkużat, il-Maġistrat qalilha li l-ġlieda fuq il-kustodja tat-tarbija tinsab f’idejn il-Qorti tal-Familja.

‘Jekk jgħaxxaqha, teħlilha int ukoll u jekk tgħaxxaqha inti, jeħilha hu wkoll,” qal il-Maġistrat lil ommu.

Iż-żagħżugħ kien ordnat ma jersaqx lejn is-Siġġiewi, fejn tgħix omm bintu, u anke biex jiffirma kuljum fl-Għassa.

Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq depositu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €4,000 u anke garanzija fuq l-omm ta’ €5,000. Jekk il-kundizzjonijet jinkisru jew mill-akkużat jew minn ommu, is-somma ta’ €10,000 tkun ikkonfiskata.

More in Qrati u Pulizija