Sentejn u nofs ħabs għal żagħżugħ li fl-ewwel tas-sena kiser imnieħer raġel

Iż-żagħżugħ kien qed jiskonta sentenza sospiża ta' ħabs fuq reat ieħor simili li wettaq is-sena li għaddiet

Żagħżugħ ingħata sentenza ta’ sentejn u nofs ħabs wara li wieġeb ħati li lbieraħ kiser imnieħer persuna oħra waqt ġlieda f’Paceville u dan fi żmien li kien qed jiskonta sentenza sospiża.

Iż-żagħżugħ ta’ 23 sena mis-Somalja kien akkużat li weġġa’ raġel ieħor u li kiser sentenza sospiża li kienet ingħatatlu f’Mejju li għadda fuq reat simili.

L-Ispettur Matthew Spagnol spjega kif malli waslu fuq il-post sabu lill-vittma mal-art mitluf minn sensih.

Fil-Qorti nstema’ kif il-vittma sofra minn ksur f’imnieħru. Il-vittma kien fis-sakra, meta mad-daqqa waqa’ mal-art u ħabat rasu.

Meta l-akkużat wieġeb ħati, il-Qorti wissietu li jista’ jeħel sa sentejn ħabs minħabba li kiser sentenza sospiża, madanakollu huwa insista li xorta waħda se jibqa’ jwieġeb ħati.

Il-Prosekuzzjoni insistiet li l-akkużat kien ingħata ċans mill-Qorti iżda hu ramih u għalhekk insistiet li għandu jingħata sentenza effettiva.

Huwa ingħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs għal dan ir-reat u sentejn oħra hekk kif is-sentenza sospiża nqalbet għal waħda effettiva.

More in Qrati u Pulizija