Sentenza mnaqqsa għal raġel li seraq, ħarab lill-Pulizija u kellu d-droga

Ir-raġel kien misjub ħati fl-2015 u appella jinsisti li qabel instab ħati kellu l-kondotta nadifa

Raġel li seraq basket ta’ mara, ħarab waqt li kien arrestat u li kien fil-pussess tal-kannabis, kellu s-sentenza tiegħu mnaqqsa minn sena ħabs għal sentenza sospiża.

Il-Qorti tal-Appell ħadet din id-deċizjoni wara li ħadet inkonsiderazzjoni l-fatt li r-raġel kellu l-kondotta nafida qabel ma nstab ħati fl-2015.

Meta ressaq l-appell, l-akkużat talab lill-Qorti biex tikkonferma li kien ħati li ħarab u li kien fil-pussess tal-kannabis iżda biex twaqqa’ l-akkużi ta’ serq u anke li ta dettalji personali foloz lill-Pulizija.

Fost oħrajn, id-Difiża tefgħet dubji fuq ix-xhieda mogħtija mill-mara li kien misjub ħati li serqilha l-baskett, għax ma kinitx irrappurtat il-każ mill-ewwel, iżda marret għand il-Pulizija wara li kienet rat lill-appellant fil-klabb li fih kienet taħdem.

Id-Difiża insistiet ukoll li ġaladarba x-xhud kienet lap dancer fi stabbilliment, setgħet faċilment gerfxet lir-raġel ma’ xi ħadd ieħor, ġaladarba kienet tara ħafna rġiel.

L-appellant kompla jinsisti li l-ewwel Qorti injorat il-verżjoni tiegħu u anke l-fatt li qatt qabel ma’ kien seraq.

Kompla jgħid li peress li ma jafx la Malti u lanqas Ingliż, meta kien arrestat ħaseb li qed ikun akkużat b’pussess tad-droga, u li kieku kien jaf li qed ikun akkużat b’serq, ma kienx jaħrab.

Il-Qorti, fid-deċiżjoni tagħha saħqet li l-mara kienet konsistenti dwar l-identifikazzjoni tar-raġel u anke kienet tat biżżejjed raġunijiet biex tipprova għalfejn kienet daqshekk ċerta.

Fakkret ukoll li l-mara ma rrappurtatx mill-ewwel għax beżgħet, ġaladarba l-akkużat kien baqa' jsegwiha sa fejn kienet toqgħod.

Dwar ir-raġel, il-Qorti qalet li r-raġel ma kienx konsistenti mal-Pulizija, iżda qalet ukoll li kellu dritt jibqa’ sieket meta kien qed ikun interrogat u għalhekk laqgħet it-talba tiegħu biex twaqqa’ l-akkużi dwar l-għoti tad-dettalji foloz.

Anke jekk saħqet li s-sentenza tal-ewwel Qorti kienet fil-parametri legali, insistiet li l-fatt li r-raġel kellu kondotta nadifa kellu jingħata attenzjoni.

Filwaqt li reġgħet sabitu ħati b’serq, li ħarab u b’pussess tad-droga, huwa kellu s-sentenza tiegħu mnaqqsa għal waħda sospiża.

More in Qrati u Pulizija